Lokali

Il-Gvern Laburista m’għandux ikompli jgħaddi biż-żmien lill-Birżebbuġin

Jekk verament il-Gvern Laburista jrid li jnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti Birżebbuġin minħabba l-Port Ħieles, apparti li jagħmel l-iskemi tad-double glazing, li mhux biżżejjed, minnufih għandu jinstalla onshore power supply sabiex il-vapuri ma’ jibqgħux jużaw il-ġeneraturi waqt li jkunu qegħdin fil-port.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata minn Hermann Schiavone, Kelliem għall-Ippjanar u l-Industrija tal-Kostruzzjoni, tinnota li filwaqt li se jiġu jistallati aktar krejnijiet sas-sajf li ġej, ir-residenti ta’ Birżebbuġa jridu jistennew iktar minn sentejn oħra biex ikollhom ftit arja
aktar nadifa u anqas storbju tal-ġeneraturi.

Għal din iż-żieda fl-inkonvenjent lir-residenti, l-Gvern ħareġ biss bl-iskema tad-double glazing. Jeħtieġ li jsiru iżjed miżuri min-naħa
tal-Gvern.

Għal darb’oħra l-Gvern Laburista qed juri nuqqas ta’ sensittivita’ u jkompli jgħaddi biż-żmien lill-poplu ta’ Birżebbuġa bħalma għamel lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2017 meta wegħedhom li se jneħħi l-ħażna tal-fuel liema ħażna għadha sal-lum f’nofs ir-raħal. Il-poplu ta’ Birżebbuġa jixraqlu aħjar.