Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri jibbojkottja lil Net News

Il-Ministru Byron Camilleri spicca jibbojkottja lil Net News.

Wara konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Ministru tal-Intern fiċ-ċentru tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, Net News flimkien ma’ mediahouses oħra resqu lejn Byron Camilleri biex jieħdu kumment mingħand il-Ministru.

Izda minkejja li TVM u One News tħallew jieħdu l-kummenti, Net News ma ngħatax l-istess opportunità, bl-uffiċjal tal-Ministeru tibqa’ tħaqqaqha magħna.

Minkejja li bqajna nitolbu li ningħataw l-istess opportunità li ngħataw il-mediahouses l-oħra, l-assistenta ta’ Camilleri baqgħet tinsisti li tgħidilna hi fuq xiex nistgħu nieħdu l-kummenti.

Ironikament, lill-Ministru ridna nistaqsuh dwar ir-riżultat diżastruż li kiseb il-Gvern Laburista fl-aħħar jiem fl-indiċi tad-demokrazija. Riżultat li juri li l-Gvern qed ifalli għal kollox fit-tħaddim tad-demokrazija u minn status ta’ demokrazija sħiħa l-Gvern Malti niżel għal status ta’ demokrazija difettuża. Inċidentalment, ir-rapport jipponta lejn l-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bħala wieħed mill-fatturi li wassal dan il-falliment.

Dan l-aġir tal-Ministru Camilleri jikkunstrasta bi kbir ma’ dak li qal nhar il-Ħadd stess il-Prim Ministru, li wiegħed li se jkun qed iwieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-ġurnalisti, u ma’ dak li qal ukoll ftit tal-jiem qabel fejn appella lill-ġurnalisti biex jistaqsu l-mistoqsijiet lill-politiċi u fejn saħaq li l-politiċi in-naħa tagħhom għandhom l-obbligu li jwieġbu.