Lokali

Il-Ministru jammetti li l-Gvern m’għamel xejn dwar il-problemi tal-kiri

L-inkwiet dwar il-kwistjoni tal-kirjiet hija realtà li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum ħafna nies – kerrerjja u sidien – li qed jintlaqtu min b’mod u min b’ieħor, bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat xprunat mill-ġdid id-diskussjoni dwar dan, sabiex jinstabu kemm jista’ jkun malajr soluzzjonijiet għal dawk kollha milquta.

Madankollu minn naħa tal-Gvern ftit li xejn jidher li hemm pjan jew aptit biex din is-sitwazzjoni tissolva. Din il-ġimgħa stess il-Ministru Roderick Galdes ħarab jiġri fil-karozza u ma weġibx dwar il-pjan li għandu l-Gvern f’dan il-qasam.

Wara Roderick Galdes, dalghodu, staqsejna wkoll lill Ministru responsabbli mis-Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon, li wkoll mistoqsi dwar il-pjan tal-Gvern, qalilna li l-pjan hu li ‘rridu ngħinu lil dawn il-persuni li ntlaqtu ħażin’.

Il-Ministru Michael Falzon spiċċa jammetti li l-aħħar riforma li saret f’dan il-qasam kien taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, u li fl-aħħar tminn snin ma sar assolutament xejn.

Ahna bqajna nistaqsu x’se jagħmel il-Gvern wara li għamel tmien snin rieqed fuq din il-kwestjoni, bil-Ministru jwieġeb li din hija problema antika.

F’pajjiżna persuna minn kull ħamsa jgħix fil-kera, iżda kemm huma dawk li qed jgħixu f’kirjiet ta’ qabel l-1995 mhux magħruf eżatt. Għaldaqstant il-Gvern ma jafx bi preċiż kemm hi kbira l-problema tal-kirjiet l-antiki, b’Robert Abela għadu se jibda jagħmel l-istudji.