Festi Lokali

Il-Pawlini Beltin bi programm awdjo-viżiv fuq Facebook, f’dawn il-jiem tal-festa

Hekk kif ninsabu ħames t’ijiem ‘il bogħod mill-festa li tfakkar in-nawfraġju ta’ San Pawl, fil-Belt Valletta, din is-sena l-festa nazzjonali u li tant hi popolari mal-Maltin u l-Għawdxin, mhux se tkun qed tiġi ċċelebrata bl-istess mod, minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li ċertu funzjonijiet reliġjużi li jsiru fil-Knsija li tinsab fi Triq San Pawl, xorta waħda se jsiru, inkluż il-Pontifikal ta’ filgħodu, li jsir f’nhar il-festa, fl-10 ta’ Frar, kwalunkwé attivitá esterna ġiet imħasrha għaldaqstant l-Għaqda tal-Pawlini, li flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ħasbu f’inizjattiva mhux tas-soltu u ġdida, biex xorta waħda tfakkar l-emozzjonijiet sbieħ li toffri din il-festa ta’ kull sena, mhux biss lill-Pawlini Beltin, iżda lil dawk kollha li sena wara l-oħra jattendu għaliha.

Mill-lum il-Ġimgħa, 5 ta’ Frar, il-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda tal-Pawlini, se tkun qed twassal proġramm awdjo-viżiv, bl-isem ta’ ‘Strada San Paolo’. Numru ta’ voluntiera, u li huma parruċċani tal-Knisja ta’ San Pawl, ingħaqdu flimkien, biex jipproduċu dan il-programm b’differenza, b’xandira Premiere li fid-9pm. B’kollox se jixxandru ħames programmi minn din is-sensiela ta’ ‘Strada San Paolo’, kuljum, mill-lum sa lejliet il-festa, nhar id-9 ta’ Frar fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Pawlini. Tul dawn il-programmi kollha, se jkun hemm numru ta’ mistiedna minn żminijiet differenti ta’ din il-festa, u li permezz tagħhom se nkunu nistgħu nerġgħu ngħixu l-esperjenzi, ir-rakkonti u l-emozzjonijiet sbieħ li kapaċi toffri l-festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

Agħfas hawn biex tara l-promozzjoni awdjo-viżwali li qed tidher fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Pawlini għal ‘Strada San Paolo’.

‘Strada San Paolo’ se jkun qed jiġi ppreżentant minn Christian Micallef, Pawlin Belti u personalitá televiżiva popolari fuq Net Television, għall-presentazzjoni u l-produzzjoni ta’ programmi sportivi. Permezz tal-istil ta’ presentazzjoni tiegħu, f’kull programm, Micallef se jkun qed jgħin sabiex il-mistiedna kollha f’Strada San Paolo’, jagħtu r-rakkonti iżda fuq kollox ngħixu l-emozzjoni tal-festa daqs li kieku din se tkun qed isir fin-normalitá tagħha. Dan il-programm inħadem fil-Knisja stess, b’direzzjoni televiżiva ta’ Kurt Spiteri Lucas, flimkien ma’ crew televiżiv ta’ nies li huma dilettanti ta’ din il-festa, ċioé Pawlu Mizzi, Carl Farrugia, Holger Camilleri u Gabriel Bartolo.

Fl-ewwel programm tal-lejla, il-mistiedna se jkunu l-eks President tal-Għaqda tal-Pawlini, Paul Spiteri, il-President tas-Soċjetá Filarmonika La Valette u eks Direttur tal-Armar tal-Għaqda tal-Pawlini, Jonathan Grima kif ukoll il-President attwali tal-Fergħa taż-Żgħażagħ tal-Għaqda tal-Pawlini, Josue Tabone.

Sabiex issegwu l-ewwel programm ‘Strada San Paolo’ tal-lejla, f’xandira Premiere fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Pawlini, fid-9pm, agħfas hawn.