Jien determinat li magħkom indawru paġna ġdida għal pajjiżna, li fiha flimkien, niktbu l-istorja. Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq Facebbok, fejn kompla jispjega għaliex irid li tinkiteb paġna ġdida għal pajjiżna.
Hu kiteb li jrid pajjiż kburi bih innifsu u b’uliedu kollha, kburi bl-imgħoddi tiegħu, rasu mistrieħa mill-preżent u ambizzjuż u entużjast għall-futur, kif ukoll poplu mogħni b’valuri sodi, b’saħħtu, mhux beżgħan u anzjuż.
Bernard Grech kompla li jrid istituzzjonijiet li jaħdmu, pajjiż li fih ma jinqatel jew ibati ħadd minħabba l-politika, politiċi li f’kulma jipproponu jżommu lill-persuna umana fil-qofol tal-ħsieb politiku tagħhom u li jikkompetu bejniethom biex joħolqu l-ġid u mhux biex jistagħnew huma.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kiteb li jrid joħloq ambjent fejn negozjant ikollu inċentiv jinvesti, inkluż f’setturi ekonomiċi ġodda, żgħażagħ li jieħdu l-aqwa edukazzjoni biex jimirħu u jaħtfu l-opportunitajiet li jiġuhom u min jagħżel li ma jkomplix jistudja biex jibda jaħdem, ikollu l-mezzi li jiżviluppa u li jkun kburi bil-ħiliet artiġjanali, tekniċi u artistiċi tiegħu. Irid ir-rispett lejn l-ambjent tagħna, b’politika li żżewweġ flimkien l-ambjent u l-iżvilupp.
Bernard Grech tenna li jemmen li pajjiżna jixraqlu tmexxija li temmen li l-ġid sħiħ tal-persuna għandu jkun pretest għall-ġid komuni, fejn kulħadd jista’ jsir l-aħjar verżjoni tiegħu nnifsu. Għax għada jista’ jkun aħjar u se jkun aħjar.
//= $special ?>