Raġel ta’ 29 sena residenti l-Gżira ġie arrestat b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil li seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tas-7 ta’ filgħodu wara li allegatament daħal bil-forza f’appartament fil-Gżira, xerred il-petrol, qabbad in-nar u ħarab jiġri minn fuq il-post.
Il-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema rċeviet telefonata fejn persuna bdiet tgħid li waqt li qiegħed fl-appartament tiegħu fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, persuna daħlet fir-residenza tiegħu b’attentat fuq ħajtu billi provat tqabbad il-post. L-istess persuna qalet li flimkien ma’ mara li kienet miegħu fl-appartament, irnexxielhom jitfu n-nar.
Il-Pulizija tad-Distrett u tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u Omiċidju marru mill-ewwel fuq il-post u sabu lill-vitttmi – raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 40 sena. Ir-raġel kellu jittieħed għal kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li sofra ħruq f’partijiet ta’ ġismu u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.
Mill-investigazzjonijiet illi saru, fi ftit ħin il-pulizija irnexxielha tiddentifika l-allegat agressur, iċċirkodaw ir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium, Gżira u ġie arrestat. Minn tfittxija fir-residenza, il-pulizija sabu aktar minn nofs kilo sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmat bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
//= $special ?>






