Bosta kkundannaw bil-kbir l-attakk fil-konfrot tad-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar fuq il-midja soċjali fl-aħħar sigħat – b’numru kbir ta’ persuni jwasslu messaġġi ta’ kuraġġ lill-istess Cutajar filwaqt li jistmerru dak li ntqal minn persuna fi grupp partikolari fuq Facebook.

Fost dawn il-persuni, inkluż ankè żgħażagħ li ma tantx niżlitilhom tajba din iċ-ċajta insensittiva, kien hemm ukoll l-editur tal-ġurnal Illum Albert Gauci Cunningham, fejn insista li l-fatt li tiddieħak bid-diżabilità ta’ persuna hija xi ħaġa “baxxa u għarukaża kbira” – bl-istess mod għal min appoġġja dan id-diskors u saħansitra daħaklu.
Oħrajn saħqu li filwaqt li nifirħu bl-immodernizzar fil-mentalità tas-soċjetà tagħna, u nċapċpu favur l-ugwaljanza, ċertu nies ma jafux x’jiġifieri dan id-diskors ġaladarba spiċċajna nirredikolaw persuna nieqsa mid-dawl bid-diżabilità tiegħu.

Intant id-Deputat Nazzjonalista, Kevin Cutajar, irringrazzja lil kull min wera’ solidarjetà miegħu filwaqt li insista li kien jistenna li fl-2021 wieħed jikkritika l-argument u mhux lill-persuna.
Dan filwaqt li ċertament dawn il-kummenti mhux se jkunu qed jaqtgħulu qalbu sabiex ikompli miexi ‘l quddiem u jistinka sabiex min għandu diżabilità ma jibqax iħabbat wiċċu ma trattamenti bħal dawn.