Coronavirus Lokali Saħħa

L-MUMN tikxef aktar taħwid fil-proċess ta’ tilqim; Chris Fearne akkużat b’livell baxx ta’ etika

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja tneħħa mit-tmexxija tal-programm ta' tilqim

L-MUMN fi stqarrija qed tgiddeb dak li qal ilbieraħ il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta stqarr li numru ta’ vaċċini intilfu minħabba direttivi tal-union. “Dan mhux veru”, qalet l-MUMN fi stqarrija iebsa maħruġa dalgħodu, u li fiha Chris Fearne jiġi akkużat b’livell baxx ta’ etika fil-mod li bih wieġeb lill-ġurnalisti.

Fl-istess stqarrija maħruġa mill-MUMN, il-union tikxef aktar taħwid li qed jinħoloq fil-proċess ta’ vaċċinazzjoni. Bil-union tindika li l-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja tneħħa mit-tmexxija tal-programm ta’ tilqim.

L-MUMN ikkonfermat ukoll l-informazzjoni li kellu Net News dwar dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid illi spiċċaw intremew.

Skont il-union, l-Erbgħa kien hemm mat-30 doża tat-tilqima illi ġew preparati mingħajr biss kien hemm nies lesti biex jieħduhom. Dan għaliex ma ingħatawx appuntamenti.

Minn naħa l-oħra, qed ikun hemm ukoll ċirkustanzi fejn m’hemm ebda kordikazzjoni ta’ xejn, u għandek Ċentri tas-Saħħa li qed jingħataw numru żgħir ta’ vaċċini. “Il-Ministru Fearne għandu jkollu d-diċenza jispjega x’qed jiġri”, insistiet l-MUMN.