“Li issir xi ħaġa hekk minn wara dahar ir-residenti li fdawk bil-mandat li tipproteġi l-interessi tagħhom u tal-kommunità, u iktar minn hekk titkellem f’isimhom meta lanqas biss konna kkonsulatati jew ingħatajna spjegazzjoni ċara għaliex issa l-Kunsill waqqa’ l-objection tiegħu, jien nitkellem għalija, żgur mhux ħa nibqa’ b’ħalqi magħluq”.
Dan hu biss wieħed mill-kummenti fuq Facebook wara li lbieraħ is-sit Maltatoday ippubblika artiklu li jitkellem dwar torri ta’ aktar minn 12-il sular li se jinbena fix-Xgħajra.
Il-kontroversja inqalgħet wara li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill tal-lokalità vvutaw favur il-binja mingħajr ma saret konsultazzjoni mar-residenti.
Il-proġett oriġinarjament kien propost biex ikollu 15-il sular iżda wara oġġezzjonijiet, ġie rivedut biex issa se jkun għoli madwar 12-il sular.
Għal xi raġuni wara li l-pjanti ġew riveduti, il-proġett tressaq b’urġenza kbira fil-Kunsill, għall-approvazzjoni tal-Membri. Kien hawn li Doris Borg, il-Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista, flimkien ma’ membru ieħor tal-Kunsill f’isem il-Partit Laburista talbu li ssir konsultazzjoni mar-residenti qabel ma l-Kunsill jippronunzja ruħu favur il-proġett.
Borg u l-membru l-ieħor qalu li filwaqt li qatt ma jistgħu ikunu kontra żvilupp, il-Kunsilliera huma eletti mir-resident li jirrappreżentaw u għaldaqstant għandhom l-obbligu li jikkonsultawhom fuq proġett daqstant massiċċ u li żgur se jbiddel il-ħajja tax-Xgħajrin.
Madankollu l-membri l-oħra oġġezzjonaw għal din il-proposta tal-konsultazzjoni u baqgħu għaddejjin bl-approvazzjoni tal-proġett.
Dan l-iżvilupp se jkun qed jinkludi fih aktar minn 160 appartament u mistenni jżid il-popolazzjoni ċkejkna tax-Xgħajra b’madwar 15%.
Ħafna Xgħajrin huma mħassba dwar l-impatt ta’ żvilupp ta’ dan it-tip fuq dik li hi infrastruttura u traffiku fost tħassib ieħor u jinsabu ddizappuntati ferm li dawk li għandhom il-mandat mir-residenti biex jissalvagwardjaw l-interessi tax-Xgħajrin qed jonqsu minn dmirhom u qed jaġixxu mingħajr ma jikkonsultaw mar-residenti tax-Xgħajra.
//= $special ?>