Knisja Lokali

Rapport ta’ Caritas Malta juri kif il-familji mhux ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ ħajja bażika u diċenti

Qed ikompli joħroġ dejjem aktar fiċ-ċar li familja medja ma tistax tlaħħaq mal-ispejjez ta’ ħajja bażika u diċenti. Dan ħareġ ukoll minn studju maħruġ minn Caritas Malta.

L-edizzjoni ta’ din is-sena hi t-tielet waħda u uriet kif l-ispiża annwali għall-basket bażiku biex wieħed jgħix ħajja diċenti jammonta għal ftit anqas minn €13,946.78 għal familja magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal, ftit aktar minn €11,038.12 għal familja magħmula minn ġenitur wieħed u żewġt itfal u ftit aktar minn €8,156.57 għal familja magħmula minn żewġ anzjani.

Iżda dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-użu u l-manutenzjoni ta’ karozza privata, ikla jew snack f’restaurant darba fix-xahar u kirja ta’ post mill-privat mingħajr sussidju. Meta wieħed iqis dawn, isib li l-ispiża kważi tirdoppja għat-tliet forom ta’ familji użati fl-istudju.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet biex tippreżenta dan l-istudju – imħejji mill-Professur Suzanne Piscopo, minn Andre Bonello u Anthony Gatt, li hu wkoll id-Direttur ta’ Caritas Malta – kien spjegat li dawn iċ-ċifri ta’ tħassib ikomplu jeskalaw f’każ ta’ familji li jinkludu persuni b’diżabbiltà jew b’xi kundizzjoni medika.

Dan hekk kif dawn il-persuni jiffaċċjaw aktar sfidi finanzjarji biex jixtru bżonnijiet essenzjali bħall-ikel, mediċini u apparat mediku, kif ukoll tat-teknoloġija. Dawn jiffaċċjaw ukoll sfidi kbar biex jirranġaw affarijiet skont il-ħtieġa tagħhom, bħall-ħwejjeġ jew il-wheelchair.

L-istudju tal-Caritas wera kif mill-2016 ‘l hawn, il-prezz ta’ basket bażiku żdied b’madwar €2,000, bl-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja tirriżulta fil-prezzijiet tal-ikel. Għal din l-edizzjoni, dan il-basket kien aġġornat b’affarijiet li llum il-ġurnata saru essenzjali, bħal smartphone bażiku u laptop, fost l-oħrajn.

Fid-dawl ta’ dan kollu, fir-rapport tagħha, il-Caritas tippreżenta wkoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex aktar familji Maltin u Għawdxin jgħixu ħajja aktar diċenti. Fost l-oħrajn, organizzazzjoni qed tappela li ssir task force tirrevedi l-mod kif tkun ikkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, kif ukoll li jinħoloq Istitut ta’ Riċerka fuq il-Faqar u l-Ġustizzja Soċjali.

Min-naħa tiegħu, il-Monsinjur Charles Cordina – id-Delegat tal-Arċisqof għas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità – fakkar kif grazzi għall-Caritas, il-Knisja f’Malta qed tkompli tilħaq lill-bniedem għax temmen li l-bniedem hu fiċ-ċentru tagħha.

Hu fakkar kif, minkejja l-isfidi tal-pandemija, il-Knisja xorta baqgħet tmur għand in-nies għax temmen li għandha tingħata dinjità lil dawk fil-bżonn.