Slovakk ta’ 30 sena li allegatament inħataf minn tliet irġiel Slovakki oħra u li rabtuh ma’ siġra fl-Aħrax tat-Tunnara fil-Mellieħa jinsab nieqes. Huwa kellu jkun ix-xhud prinċipali fil-każ tal-allegat agressuri tiegħu quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli.
Is-Slovakki li qegħdin jiġu mixlijin li ssekwestrawh, sawwtuh u żammew kontra l-volontà huma Peter Tupta ta; 49 sena, Anton Triscik ta’ 47 sena u Adam Mazurkovic ta’ 22 sena, li qegħdin iwieġbu mhux ħatja li wettqu tali reati.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li huma ppruvaw jagħmlu kuntatt mal-vittma permezz tal-mobajl iżda dan beda il-ħin kollu jaqtalhom u li mhux magħruf fejn jinsab.
L-Ispetturi Jessica Bezzina, Ryan Mario Vella u Joseph Busuttil qalu fil-Qorti li l-akkużati taw l-istess verżjoni fuq il-każ, dik li l-allegat vittma kellu jagħti xi flus li kien sellfu Triscik.
Wieħed minnhom sa anke għamel rapport is-Slovakkja biex jibdew proċeduri kontra l-vittma għax ma riedx iħallas il-flus li kellu jagħti. Irriżulta li t-tlieta ftehmu biex huwa jagħtihom il-flus, peress li kien beda jevitahom.
Kien nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Jannar li għadda li t-tliet akkużati sabuh f’ħanut tax-xorb fil-Mellieħa. Huma qabduh minn idejh u mexxew sa karozza u hemm rabtulu jdejh bie xma jaħrabx u ħaduh fejn il-camping site tal-Aħrax tal-Mellieħa, fejn neżżgħuh għarwien u aggredewh u kkaġunawlu ġrieħi ħfief.
Minn hemm ħaduh magħhom f’lukanda Tas-Sliema fejn kienu joqgħodu t-tliet Slovakki. Huwa qagħad magħhom tas-Sliema u l-għada ddeċidew li jieħduh għand Nutara biex jiġi ffirmat kuntratt li huwa għandu d-dejn magħhom.
In-Nutara dak inhar ma setgħetx taqdihom u meta waslu quddiem Cafeteria, x-Xatt ta’ Tas-Sliema, l-allegat vittma ħarbilhom. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li wieħed mill-akkużati saħansitra ċempel lit-tifla tal-vittma, li tinsab l-Olanda fuq il-każ, u li kienu se jitkellmu ma’ nutar fuq il-flus li għandu jagħti missierha.
L-akkużati qegħdin jiġi mixlijin li tali feriti saru fuq il-vittma f’idejh u fl-ikstonku tiegħu. Il-kumpilazzjoni tissokta nhar il-Ħamis, 11 ta’ Frar. Għall-akkużati deheru l-Avukati Stefano Filletti u Stephen Tonna Lowell.
//= $special ?>