Futbol Sport

Tispikka Valletta kontra Hibernians fid-dsatax-il ġurnata mill-Kampjonat BOV Premier

Nhar il-Ħadd fl-iStadium Nazzjonali Valletta jiltaqgħu kontra Hibernians f’dik li hi l-aktar partita li tispikka mid-dsatax-il ġurnata tal-kampjonat. Valletta se jkunu qegħdin ifittxu li jpattu għad-disfatta li kellhom il-ġimgħa l-oħra meta tilfu kontra Gżira United. Min-naħa l-oħra għal Hibernians tliet punti huma imperattivi sabiex jżommu l-pass ma’ Ħamrun fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat.

It-tim li qed jokkupa l-ewwel post tal-klassifika, Ħamrun Spartans se jilgħab kontra Gudja United fejn se jħarsu li jkomplu fuq il-mixja impresssjonanti tagħhom ta’ tlettax –il partita mingħajr telfa fil-Kampjonat Premier. Gudja se jippruvaw jiksbu aktar punti sabiex jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom f’nofs il-klassifika u jkomplu jibnu fuq ir-riżultat ta’ draw li kisbu kontra Gżira United.

Is-Sibt fil-Hibernians stadium jiltaqgħu Mosta kontra Gżira fejn Mosta se jkunu qegħdin ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet fl-aħħar ħarġiet tagħhom kontra Birkirkara u Balzan rispettivament. Min-naħa l-oħra Gżira għandhom bżonn it-tliet punti sabiex jżommu mat-timijiet ta’ qabilhom Ħibernians u Ħamrun, fl-aspirazzjonijijet tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat.  

Minkejja il-problemi finanzjarji u r-riżenji fl-amministrazzjoni fl-aħħar ġimgħa, Sliema Wanderers se jaffrontaw it-tim li jinsab fl-aħħar post tal-klassfika, Senglea Athletic. Sliema għandhom bżonn it-tliet punti sabiex iqawwu it-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa fejn minn naħa l-oħra, Senglea jinsabu destinati li jiġu relegati fejn kisbu biss żewġ punti fil-kampjonat Premier.

Fl-ewwel partita tal-ġimgħa Żejtun se jilgħabu kontra Birkirkara, b’dawn tal-aħħar iridu jkomplu fuq ir-riżultati li kellhom fl-aħħar ġimgħat. Żejtun se jfittxu li jiksbu aktar punti u jkomplu jitbiegħdu miż-żona relgazzjoni. Floriana u Santa Lucia se tkun partita bejn żewġ timijiet opposti, fejn Floriana jinsabu fiż-żona relegazzjoni filwaqt li Santa Lucia jinsabu komdi f’nofs il-klassifika.

Tarxien se jilgħabu kontra Sirens fejn Tarxien se jħarsu li jirkupraw mit-telfa li kellhom kontra Lija f’nofs il-ġimgħa. Sirens se jippruvaw jiksbu it-tliet punti sabiex jikkonsolidaw posthom f’nofs il-klassifika tal-kampjonat. Fl-aħħar partita Lija se jaffrontaw lil ġirien Balzan f’partita bejn żewġ timijiet li għandhom bżonn il-punti sabiex isalvaw posthom fil-Kampjonat BOV Premier.