Internazzjonali

Unjoni Ewropea: Relazzjoni diffiċli mar-Russja wara l-arrest u kundanna ta’ Navalny

L-Unjoni Ewropea qalet lir-Russja li l-każ ta’ Moska kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny u l-priġunerija sussegwenti tiegħu qed timmarka ‘punt baxx’ fir-relazzjonijiet bilaterali.

Alexei Navalny hu kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin u qed tikber il-possibbiltà li l-UE timponi sanzjonijiet ġodda għar-Russja minħabba ċ-ċirkustanzi li sab ruħu fihom Navalny. Intant, fl-aħħar sigħat, il-Kap tal-Affarijiet Barranin tal-UE, Josep Borrell, iltaqa’ mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, f’Moska.

Issa, Navalny qed jiffaċċja akkuża ġdida fil-qorti – f’dan il-każ li hu immalafama veteran tat-Tieni Gwerra li deher f’filmat li jfaħħar it-tmexxija ta’ Putin. Dan wara li Navalny, nhar it-Tlieta, kien ikkundannat għal kważi tliet snin priġunerija għal każ li allegatament jinvolvi l-frodi.

Il-Kremlin ta’ Moska qed jiċħad l-akkużi li l-President Putin, matul is-sajf, ordna biex isir attakk b’nerve agent fuq Navalny — u li kien kważi wassal għal mewtu. Dan il-kritiku ta’ Putin ingħata l-priġunerija talli kiser il-kriterji tas- sentenza sospiża li kien ingħata (għal frodi) fl-2014