Gowl mill-aktar drammatiku skurjat minn Dominic Calvert-Lewin fil-95 minuta salva dro improbabbli, 3-3, għal Everton kontra Manchester United f’waħda mill-aktar logħbiet eċċitanti għal snin f’Old Trafford.
Il-gowl kien krudili għar-Red Devils li raw vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima – grazzi għal CAVANI (24) u Bruno FERNANDES (45) – jisfuma fl-ewwel seba’ minuti tat-tieni taqsima meta l-ewwel DOUCOURE naqqas id-distakk imbagħad James RODRIGUEZ għamilhom 2-2 b’xutt qawwi fir-rokna tax-xibka. United irreaġew u mill-ġdid marru fil-vantaġġ b’daqqa’ ta’ ras ta’ McTOMINAY (70) — iżda fl-aħħar sekondi, Everton rebħu freekick u li minnu CALVERT-LEWIN daħal bħal sajjetta biex japprofitta mill-indeċiżjoni ta’ Lindelof u l-gowlkiper David de Gea għat-3-3 finali.
Aston Villa għelbu lil Arsenal, 1-0, f’Villa Park, bil-gowl uniku jiskurjah Ollie WATKINS wara biss tliet minuti b’xutt li xxellef mad-difensur tal-Gunners, Holding, għal ġewwa – u bir-riżultat ma jinbidilx minkejja sensiela ta’ ċansijiet miż-żewġ naħat. Ir-rebħa hi anki waħda storika għall-Villains li, b’hekk, kisbu l-ewwel ‘double’ fuq Arsenal fil-kampjonat wara 28 sena – bil-konfront tal-ewwel rawnd jispiċċa 0-3 favur Villa. Sadanittant, il-gowl ta’ Watkins ifisser ukoll li l-gowlkiper ta’ Arsenal Mat Ryan ( misluf mingħand Brighton) spiċċa jiġbor il-ballun mix-xibka 74 sekondi biss mill-bidu tad-debutt tiegħu mal-Gunners. Intant, Ryan wettaq numru ta’ saves tajbin fuq Traore, Barkley u partikularment fuq Grealish tard fit-tieni taqsima – bil-gowlkiper ta’ Villa, Emiliano Martinez, ukoll jiddistinwi ruħu fuq freekick ta’ Xhaka li deher destinat għal ġewwa. B’din ir-rebħa, il-Villains telgħu t-tmienja fil-Premier League waqt li Arsenal qed jokkupaw l-għaxar post fil-klassifika wara t-tieni telfa konsekuttiva fil-kampjonat.
Burnley u Brighton spiċċaw fi dro, 1-1, f’Turf Moor, bit-tim ta’ Sean Dyche ifalli diversi ċansijiet għar-rebħa, fejn sabu lill-gowlkiper tas-Seagulls, Robert Sanchez, f’burdata mill-aqwa. Kienu Brighton li fetħu l-iskor kontra x-xejra tal-logħob meta Lewis DUNK (36) sab ruħu żmarkat biex isib ix-xibka bir-ras fuq il-korner ta’ Pascal Gross. Fit-tieni taqsima, Burnley kisbu parità mistħoqqa meta Johann BERG GUDMUNDSSON sab ir-rokna tax-xibka wara li Sanchez kien salva tajjeb fuq tentattiv ta’ Ashley Barnes. Minn dak il-ħin, il-Clarets fetħu offensiva fuq il-lasta tal-avversarji iżda ma setġux isibu l-gowl tar-rebħa – bl-aħjar ċans jaqa’ f’saqajn Matej Vydra li ra x-xutt mill-viċin newtralizzat minn Sanchez.
Il-logħba f’St James Park bejn Newcastle United u Southampton ma kenitx nieqsa mill-gowls, bil-Geordies jieħdu r-raġun b’rebħa, 3-2, fuq is-Saints, minkejja li kellhom jilgħabu l-aħħar 40 minuta tal-logħba b’raġel anqas.
Newcastle – li issa fetħu vantaġġ tajjeb fuq it-tielet tim mill-aħħar (Fulham) — kienu ddisprati għall-punti waqt li s-Saints kienu determinati li jinsew l-umiljazzjoni ta’ jiem ilu fejn sfaw megħluba 9-0 minn Manchester Utd f’Old Trafford. Intant, Newcastle fetħu l-iskor minn WILLOCK (16) li hu misluf mal-Geordies mingħand Arsenal, b’ALMIRON (26) jirdoppja b’xutt li ħabat mad-difensur Bednarek u spiċċa ġewwa. Takumi MINAMINO (30) , li kien qed jiddebutta bil-flokk tas-Saints, naqqas il-marġni b’xutt baxx u preċiż, iżda Almiron reġa’ żied il-vantaġġ għal Newcastle fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Southampton ħarġu tajjeb wara l-mistrieħ u fit-48 minuta, James WARD-PROWSE mill-ġdid naqqas id-distakk bi freekick stupend – b’Newcastle jispiċċaw b’raġel anqas, żewġ minuti wara, bit-tkeċċija ta’ Jeff Hendricka. Intant, il-Geordies, minn dak il-ħin, xeħtu kollox fuq id-difiża u rnexxielhom jirreżistu l-pressjoni intensiva – iżda konfuża — tas-Saints sat-tisfira finali. B’hekk, Southampton telfu ħames logħbiet konsekuttivi fl-ogħla kampjonat Ingliż għall-ewwel darba minn Settembru tal-1998.
Fulham u West Ham United spiċċaw fi dro mingħajr gowls f’derby ta’ Londra li ntlagħbet matul il-lejl fi Craven Cottage. Iż-żewġ tims kellhom diversi okkażjonijiet biex jiżblukkaw ir-riżultat iżda fl-aħħar nett, id-difiżi rispettivi baqgħu intatti u kien biss lejn l-aħħar ħinijiet li Fulham bdew jagħfsu sew għar-rebħa, meta l-Cottagers qed jokkupaw pożizzjoni ferm imwiegħra fil-klassifika. Fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima tkeċċa Soucek ta’ West Ham wara li ta daqqa ta’ minkeb lil Mitrovic wara li l-Hammers kienu rebħu freekick perikoluż minn barra l-kaxxa.
PREMIER LEAGUE
Illum: Aston Villa v Arsenal 1-0, Burnley v Brighton 1-1, Newcastle v Southampton 3-2, Fulham v West Ham 0-0, Man Utd v Everton 3-3 Għada: Tottenham v WBA 1.00pm, Wolves v Leicester 3.00pm, Liverpool v Man City 5.30pm, Sheff. Utd v Chelsea 8.15pm It-Tnejn: Leeds v C. Palace 9.00pm