Lokali

Il-PN se jibqa’ viġilanti ħalli jassigura li l-operat tal-PBS isir bl-akbar trasparenza

Joseph Ellis, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonal stqarr li mingħajr ma jidħol fil-mertu tas-sentenza rigward it-tilwima ta’ xogħol bejn John Bundy u l-Public Broadcasting Services, l-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jagħtix każ tal-fatt illi din is-sentenza llustrat bosta istanzi ta’ tmexxija inadekwata tal-kumpanija li la huma aċċettabli fis-settur privat u wisq anqas fis-settur pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq ifakkar illi fil-perjodu inkwistjoni, l-PBS ingħata mill-fondi pubbliċi €4.05 miljun bħala Public Service Obligation, €3.27 miljun minħabba l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u €2 miljuni biex jorganizza l-Junior Eurovision. Għaldaqsant, mhux aċċettabli illi l-proċeduri tax-xiri ma jkunux kif stabbilit mil-liġi u dan sabiex jassiguraw li flus il-poplu jintefqu bl-aħjar mod u kif suppost.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura illi l-PBS tgħallem minn dan l-episodju u li llum hemm fis-seħħ sistemi robusti li ma jippermettux ripetizzjoni ta’ episodji ta’ tberbiq ta’ flus u nuqqas ta’ osservanza ta’ proċeduri tax-xiri. Il-Partit Nazzjonalista jawgura ukoll li d-deċiżjonjijiet editorjali tal-PBS ma jiġux kundizzjonati minn interessi kummerċjali ta’ terzi u li l-PBS dejjem jibqa’ fidil lejn l-mission statement tiegħu bħala stazzjon tan-nazzjon kollu.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viġilanti ħalli jassigura li l-operat tal-PBS isir bl-akbar trasparenza u mingħajr indħil li m’għandux ikun.

Tags