Internazzjonali

Ir-Renju Unit b’rekord fl-għoti tal-vaċċin

Ir-Renju Unit jilħaq rekord fit-tilqim kontra l-COVID-19, b’10 miljun ċittadin Brittaniku jitlaqqmu f’ġimgħa waħda biss.

Dan seħħ wara li l-Gvern Brittaniku iddikjara li se jagħti widem lill-esperti u tobba u jbiddel it-tattika tal-għoti tal-vaċċin. It-tibdil li sar se jiffoka fuq iż-żoni li huma l-aktar milquta mill-pandemijja, bl-għan li jittaffa l-impatt f’dawn iż-żoni u l-ħajja terġa’ tirritorna għan-normal.

Ċifri riċenti urew li t-Tlieta li għadda, ir-Renju Unit kiser ir-record fl-għoti tal-vaċċin wara li b’kollox tlaqqmu 374,756 persuna. B’aktar riċerka turi li r-Renju Unit diġà laqqam 90% tal-Brittaniċi li għandhom aktar min 75 sena.

Il-Prim Ministru Boris Johnson iddikjara li dan il-proġett huwa l-akbar pass li qatt sar fl-istorja Brttanika, fil-qasam tas-saħħa, b’Johnson jistqarr li se jiżvela l-pass li jmiss relatat mal-pandemija fil-ġimgħat li ġejjin.

Madankollu Boris Johnson iddikjara li l-għan tar-Renju Unit hu li jitlaqqmu l-persuni vulnerabbli fejn sal-ġimgħa d-dieħla jingħataw madwar 17-il miljun vaċċin.

Min-naħa tagħha l-President tal-Kummisjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen iddikjarat għall-ewwel darba li l-Unjoni Ewropea għamlet diversi żbalji relatati mat-tqassim tal-vaċċin.

Dan wara li ċ-ċittadini Ġermaniżi qed juri t-tħassib tagħhom għala vaċċin manifatturat min kumpanija Ġermaniża qed jitqassam b’suċċess f’pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Istati Uniti u mhux l-Ewropa.

Filwaqt li Von Der Leyen awgurat lill-Gvern Brittaniku għall-mod tajjeb kif miexi fit-tilqim, kompliet tgħid li l-Unjoni Ewropea ma tistax tkun ikkumparata mar-Renju Unit. Dan għaliex skont Ursula Von Der Leyen is-sitwazzjoni fir-Renju Unit, tinsab fi stat aktar gravi mill-kumplament tal-pajjii tal-Unjoni Ewropea.