Ftit tal-ħin ilu tressaq il-Qorti ir-raġel ta’ 29 sena residenti l-Gżira li lbieraħ ġie arrestat b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil li seħħ ilbieraħ stess għall-ħabta tas-7 ta’ filgħodu wara li allegatament daħal bil-forza f’appartament fil-Gżira stess, xerred il-petrol, qabbad in-nar u ħarab jiġri mill-post.
Fil-Qorti Justin Dimech qal li ma jaħdimx u wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużat qed jinżamm arrestat. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal erba’ snin favur il-vittmi b’tegħdida ta’ 7,000 ewro jekk Dimech jikser din il-protezzjoni. Il-Qorti ukoll iddikjarat l-ifriżar tal-assi ta’ Dimech.
Ilbieraħ il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema rċievew telefonata, li fiha raġel (li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti) qal li waqt li kien fl-appartament tiegħu fi Triq ix-Xatt, Justin Dimech daħal fir-residenza u ppruva joqtlu billi qabbad il-post.
Il-Pulizija mid-Distrett u mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u Omiċidju marru mill-ewwel u sabu lill-vitttmi – raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 40 sena. Ir-raġel kellu jittieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li sofra ħruq f’partijiet ta’ ġismu u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn feriti ħfief.
Mill-investigazzjonijiet il saru, fi ftit ħin il-Pulizija irnexxielha tiddentifika lill-allegat agressur, iċċirkondaw ir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium, il-Gżira u ġie arrestat. Minn tfittxija fir-residenza, il-Pulizija sabu aktar minn nofs kilogramma sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.
Fl-awla l-pulizija qalet li Dimech għandu l-vizzju tad-droga u kien qed ibigħ il-kannabis u mill-bejgħ tagħha kien jixtri l-kokaina.