San Pawl tana d-don tal-fejqan. U illum induru lejh, f’nofs din il-pandemija.
Dan kien il-messaġġ li wassal Monsinjur Arcisqof Charles Scicluna, ftit tal-jiem biss qabel tiġi ċċelebrata l-festa tal-10 ta’ Frar.
F’dan il-messaġġ, l-Arċisqof fakkar kif meta seħħ in-nawfraġju, il-poplu tal-gżejjer Maltin kien wera solidarjetà kbira – solidarjetà li ntweriet ukoll minn Publiju, li taħt il-protezzjoni tiegħu kienet il-gżira tagħna.
Intant, l-Għaqda tal-Pawlini din il-ġimgħa ħabbret li minħabba li l-pandemija tal-COVID-19, tħassru l-attivitajiet li kienu pjanati marbuta mal-festa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta.
L-Għaqda qalet illi minħabba li l-pandemija għadha realtà qawwija madwarna, il-Kumitat Ċentrali ddeċieda li b’mod responsabbli jikkanċella l-attivitajiet esterni ppjanati għad-9 u l-10 ta’ Frar li ġej.