Lokali

Stqarrija maħruġa mid-Dar tal-Providenza

Wara li CATCO Group wegħdu s-somma ta’ €500,000 għad-Dar tal-Providenza, id-Dar formalment talbet kumpanija lokali stabbilità ta’ awditjar u konsulenza biex tagħmel eżerċizzju ta’ verifika. 

Id-Dar tal-Providenza fi stqarrija spjegat illi kienet infurmata minn din il-kumpanija li ċ-chairman tal-Grupp ma pprovdiex l-informazzjoni relevanti mitluba bħala parti mill-proċess ta’ verifika.  U għaldaqstant id-Dar tal-Providenza filwaqt li tapprezza dan il-ġest sabiħ, mhix f’pożizzjoni li tirċievi din id-donazzjoni.  Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kien infurmat b’dan l-iżvilupp.  

Għalhekk is-somma finali miġbura waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li saret nhar l-1 ta’ Jannar 2021 kienet dik ta’ €2,031,540. 

Id-Dar tal-Providenza tibqa’ impenjata li tipprovdi l-aqwa servizz possibbli biex tappoġġja lir-residenti ħalli jgħixu ħajjithom bid-dinjità li tixirqilhom.