Lokali

Vann ta’ tama għal familji li għaddejjin minn żmien diffiċli

Il-profitt kollu minn ‘Jacob’s Pay it Forward Coffee Van’ ser imur biex jitqassmu sandwiches u kafe b’xejn fil-waiting rooms tal-isptarijiet

Għal dawn l-aħħar tliet snin, familja t’erbgħa daħlu b’ruħhom u b’ġisimhom biex jagħtu s-sapport u l-kuraġġ  lil qraba u persuni li jkun għaddejjin minn trawma li laqtithom bħal sajjetta fil-bnazzi u jkunu jinsabu fl-ITU maġenb xi pazjent qarib. U dan beda jsir billi sempliċiment iqassmu b’xejn tazza kafe u xi ftit sandwiches li jkunu għamlu huma stess biex jassiguraw li jitrejqu mingħajr ma jwarbu mis-sala.

Din hi l-familja ta’ Jacob Cachia, familja li taħdem f’Jacob’s Brew Coffee Shop li minkejja li diġa’ għamlu ħafna, issa ddeċiedew li jieħdu din l-inizzjattiva pass ieħor ’il quddiem. Kien fl-aħħar ġimgħat li ħasbu li jixtru vann u jibdew ibiegħħu l-ikel li jagħmlu mat-toroq Maltin, liema qligħ imur kollu biex din l-inizzjattiva tat-tqassim tal-ikel fis-swali tiġi estiża għal sptarijiet u istituzzjonijiet oħra, fosthom Karin Grech, Mount Carmel u San Blas.

Omm Jacob, Sarah qalet ma’ In-Nazzjon li meta jmorru fil-waiting areas, tant kemm jaraw appoġġ ta’ dak li qed jagħmlu li riedu jagħmlu ferm iktar. Fil-fatt, ir-ringrazzjament ta’ dan ix-xogħol volontarju jibqa’ jasal anke wara li familji jgħaddu minn xi esperjenza ta’ mard, tant li mhux darba jew tnejn marru persuni fil-kafetterija jirringrazjawhom tas-sapport li raw mingħandhom għal ġimgħat u xhur sħaħ.

“Aħna nagħtu xi ħaġa żgħira tal-ikel mhux biss biex jitrejqu iżda wkoll immorru fejn hemm bżonn dak in-naqra wens u sapport,” qalet Sarah. “Irridu nwasslu l-messaġġ ta’ tama u biex persuna qatt ma taqta’ qalbha. Tferraħhom u wara kollox irridu nuru lil dawk li jkunu fl-isptarijiet li mhumiex minsijin u nifhmu minn xiex huma għaddejjin.”

Iżda l-pandemija waqqfet kollox. Fil-fatt, it-tqassim tal-ikel fis-swali tal-Isptar Mater Dei twaqqaf biex jidħlu biss dawk li għandhom bżonn il-kura. U hekk kif Sarah u Jacob sabu ruħhom b’xi ħaġa nieqsa f’ħajjithom, taħsbux li ħadu dan il-ħin biex jistrieħu! Anzi, moħħhom baqa’ jberren x’jistgħu jagħmlu iktar.

Hekk kif qarbet sena ġdida, Sarah kienet taf li hi qatt ma żżomm ma’ riżoluzzjonijiet li tagħmel iżda f’moħħha kellha missjoni u xejn u ħadd ma kien se jżommha milli twettaqha. Kien għalhekk li fl-ewwel tas-sena bdiet titlob l-għajnuna tal-pubbliku, mhux biss f’donazzjonijiet iżda wkoll f’għajnuna ta’ ħidma biex din il-ħolma ssir realtà. Sarah qalet magħna li hekk kif jinsabu xi ftit jew wisq iktar kwieti minn snin oħra, issa sabet ix-xoqqa f’moxtha biex tibda taħdem fuq dan il-vann sabiex sakemm ħajjitna tibda tmur lura għan-normal, il-vann jibda jintuża’ ġmielu u l-għan tiegħu jieħu l-ħajja.

Vann normali li l-għan ikun  li jwassal persuna minn post għal ieħor jiswa’ biss ftit eluf ta’ ewro. Iżda minħabba li dan il-van wara li jinxtara jrid jiġi attrezzat u mgħammar biex fost oħrajn fih ikun jista’ isir il-kafe u ikel, bħal sandwiches. Fil-fatt, il-ħsieb hu li ssir magna tal-kafe, fridge u freezer, sink, u apparat tad-dawl. Dan kollu u iktar itellgħu l-ispiża għal eluf ta’ ewro oħra tant li hu maħsub li dan jiġi jiswa bejn €15,000 u €20,000. Wieħed jista’ jgħin billi jikkuntatja lil NGO Survivors Malta li bdiet mill-familja stess jew anke jagħti donazzjoni fil-kafetterija Jacob’s Brew filwaqt li jieħu xi kikkra te u pasta milli jagħmlu l-familja Cachia stess!

Il-vann diġa’ nxtara, pass li jfisser għall-familja li din l-inizzjattiva se ssir żgur. Fil-fatt, iċ-ċwievet tal-vann jinsabu f’idhom biex b’hekk il-pass li jmiss huwa li jibda jintrama skont il-bżonnijiet li hemm. Inizzjattiva li hi minn nies għan-nies għaliex meta wieħed jixtri xi ħaġa minn għandhom, se jkunu qiegħdin jgħinu lil familji li jinsabu għaddejjin minn żmien diffiċli fi sptarijiet f’pajjiżna.

Biex tittaffi daqsxejn l-ispiża, Sarah talbet lil min jista’ jgħin biex din il-ħolma ssir realtà, bħal xi negozjant tal-karozzi jew fornitur ta’ tagħmir. L-aħħar xogħol biex il-proġett ikun finali hu li jsiru d-disinni ta’ Jacob’s Brew – Pay It Forward u Survivors Malta sabiex wieħed jgħarafhom minnufih!

“Nifhem li hawn ħafna għaddejjin minn żmien diffiċli, b’mod speċjali minħabba l-pandemija u forsi xi kultant nitlob daqsxejn iż-żejjed jiena stess,” qalet Sarah bi tbissima. “Kull għajnuna napprezzawha. U nixtieq inwassal il-messaġġ għal min għaddej minn żmien diffiċli. Kollox jgħaddi bħal kull ħaġa oħra. Tibda tħoss li mhux se tgħaddi qawwi u sħiħ, iżda jgħaddi. Forsi mhux illum jew għada imma kif jgħaddi kollox aħna se noħorġu fit-toroq Maltin u Għawdxin biex inferħu lin-nies u nagħmlu l-ġid.”

L-istorja ta’ Jacob mhix waħda li qatt ma smajna biha. Fil-fatt, il-vjaġġ ta’ Jacob Cachia hu storja impressjonanti ta’ żagħżugħ li sofra ħafna u rriskja ħajtu imma ġġeieled biex għex u llum qed iwettaq ħolma wara l-oħra. Jacob kien qrib il-mewt wara li fl-2013 ħabta u sabta żviluppatlu infezzjoni fis-sinus, u wara ħamest ijiem fl-ENT jieħu l-antibijotiċi beda jsofri minn aċċessjonijiet severi. Instab li l-parti l-leminija ta’ moħħu kienet mimlija materja. Hu kien operat, u tneħħietlu parti mill-kranju. Madankollu żviluppawlu kumplikazzjonijiet, fosthom blood clot f’moħħu u kellu biss ħamsin fil-mija ċans li jsalva.

Mindu ħareġ mill-isptar, Jacob kellu intervent ieħor biex il-parti nieqsa li kellu mill-kranju nbidlet ma strixxa tal-platinum u għaddej minn proċess ta’ fiżjoterapija li wasslu biex irkupra ħafna mill-moviment ta’ ġismu mill-ġdid. Id-determinazzjoni ta’ Jacob wasslitu wkoll biex għamel l-eżamijiet li kien tilef u għadda mill-O-Levels, beda jattendi l-MCAST u saħansitra sab xogħol f’kafetterija kif dejjem kienet il-ħolma tiegħu.

Iktar minn hekk, u minkejja r-restrizzjonijiet fiżiċi ta’ Jacob, hu rnexxielu jitla’ mill-ġdid tliet sulari taraġ biex ta’ kull nhar ta’ Ħadd iżur lin-nanniet tiegħu, kif ukoll it-taraġ tad-daħla tal-Belt Valletta.

Omm Jacob, Sarah tispjega li kien binha stess li fiż-żmien diffiċli li kien għaddej minnu, fl-ITU stess, kien talabha tirrakkonta l-istorja tiegħu fi ktieb biex iservi ta’ ispirazzjoni tiegħu, liema ktieb kien ta’ suċċess lura fl-2015 bl-isem ta’ Jacob – My Titanium Man. U minn hemm kien jonqos ħolma oħra li dejjem kienet tberren f’moħħ Jacob, dik li jiftaħ il-kafetterija tiegħu u joħloq post għas-survivors. Ħolma li saret realtà bil-fondi miġbura mill-bejgħ tal-istess ktieb. U l-istess ktieb saħansitra kien rikonoxxut mir-Reġina Eliżabetta tant li fl-aħħar snin kienu rċevew ittra ta’ tifħir mill-Palazz tar-Reġina dwar ix-xogħol siewi li qed jagħmlu.

Iżda ma waqfux hemm! Kien baqa’ ħafna x’isir minkejja li dak iż-żmien lanqas biss kienu joħolmuha. Is-snin bdew igerbu u idea wara l-oħra bdiet tinħoloq biex ikomplu jgħinu lil pazjenti, qraba u persuni li jkun għaddejjin jew għaddew minn trawma. Fost oħrajn, bdiet l-inizzjattiva li familji li jkunu ma’ qrabathom fl-ITU tal-Isptar Mater Dei jibdew jingħataw sandwiches u kafe b’xejn biex il-qraba ma jitilqux minn ħdejn il-pazjenti.