Grazzi talli b’ħidmietek rajt li l-ġid jinqasam bejn kulħadd, biex ħadd ma jibqa’ lura. Ta’ dan nibqgħu nafuhulek tul ħajjitna kollha.
Dan kien il-messaġġ ta’ awguri li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għadda lill-President Emeritus, eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Eddie Fenech Adami waqt żjara li għamillu fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu.
Eddie Fenech Adami twieled 87 sena ilu f’Birkirkara. Hu kien miżżewweġ lil Mary u kellhom ħamest itfal.
Fl-1977, Eddie kien elett Kap tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżenja ta’ Ġorġ Borg Olivier. Fl-elezzjoni tal-1981, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu kiseb il-maġġoranza tal-voti tal-elettorat.
Madankollu, ma setax jiggverna għax il-Partit Laburista tal-Perit Mintoff kien biddel id-distretti qabel l-elezzjoni b’tali mod li xorta jkollu maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament.
Dik il-leġislatura ma kinitx l-isbaħ waħda għad-demokrazija ta’ pajjiżna, fejn saħansitra nqatel partitarju Nazzjonalista. Bejn l-1981 u l-1987, diversi Każini spiċċaw fil-mira ta’ tkissir u ħruq minn partitarji Laburisti.
U min-naħa tiegħu, anke Eddie Fenech Adami spiċċa fil-mira ta’ attakki koroh, fosthom dakinhar tat-Tnejn l-Iswed meta daru spiċċat attakkata u ommu, martu u uliedu spiċċaw imsawta.
Iżda għal dan kollu, Eddie Fenech Adami dejjem irreaġixxa bir-rikonċiljazzjoni, sakemm f’Mejju tal-1987, kien elett għall-ewwel darba bħala Prim Ministru u ra li pajjiżna jerġa’ jikseb lura d-demokrazija u l-libertà li tant kienu neqsin.
Eddie Fenech Adami reġa’ kien elett Prim Ministru fl-1992, fl-1998 u fl-2003. Matul dawn is-snin tiegħu bħala Prim Ministru, hu ħadem flimkien ma’ politiċi kbar oħrajn tal-Partit Nazzjonalista – fosthom Guido Demarco – biex pajjiżna seta’ jsir Membru Sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
Eddie Fenech Adami kompla jservi lill-pajjiż anke bħala President tar-Repubblika.
//= $special ?>