Internazzjonali

COVID-19: It-tilqima tal-Oxford-AstraZeneca tista’ tkun limitata kontra l-varjant Afrikan tal-virus

It-tilqima tal-Università ta’Oxford u l-AstraZeneca (bħala impenn konġunt) konta l-Covid-19 tagħti protezzjoni limitata kontra l-mard mhux daqstant serju dovut għall-varjant tal-coronavirus li feġġ fl-Afrika t’Isfel.

Dan ħareġ mill-ewwel provi li qed juru l-effettività tal-vaċċin, bil-kumpanija AstraZeneca qed tgħid li għadha ma determinatx bis-sħiħ jekk il-vaċċin jipproteġix persuna minn mard ħafna aktar serju li jista’ jikkaġuna dan il-varjant tal-coronavirus, bil-potenzjal li jinfetta lin-nies aktar malajr,

Ir-riżultati preliminarji minn studju li jibbaża fuq ftit aktar minn 2,000 persuna għad iridu jkunu konfermati mill-esperti ewlenin fil-qasam mediku. Dan meta s’issa nstabu ’l fuq minn 100 każ tal-varjant tal-Afrika t’Isfel fir-Renju Unit waqt li qed ikunu rappurtati dejjem aktar każi madwar l-Ewropa.

Skont l-ewwel rapporti mill-Financial Times, l-istudju (li se jkun ippubblikat għada) jissuġġerixxi li l-vaċċin ta’ Oxford-AstraZeneca jipprovdi ‘ammont ta’ protezzjoni’ kontra l-mard moderat b’kaġun tal-varjant – iżda kelliema għall-kumpanija qalu li għad ma jafux biċ-ċert jekk it-tilqima tevitax il-mard aktar serju u ‘l-każi fejn in-nies jispiċċaw l-isptar minħabba dan il-varjant Afrikan.’

Hu minnu wkoll li n-nies involuti fl-istudju, fil-parti kbira, kienu adulti pjuttost żgħażagħ u b’saħħithom.

Madankollu, il-kumpanija hi fiduċjuża li l-vaċċin tagħha għandha toffri protezzjoni kontra każi serji tal-Covid-19, meta qed tiġġenera l-antibodies (reżistenza fil-ġisem) li jinnewtralizzaw l-effetti tal-infezzjoni, l-istess bħal tal-vaċċini l-oħrajn għal kontra l-coronvirus.

Nadhim Zahawi, il-Ministri Britanniku responsabbli mill-programmi tal-vaċċini, jemmen li hu probabbli li t-tilqim se jinvolvi ‘booster annwali jew booster li jingħata fil-ħarifa’ – flimkien ma’ tilqima annwali kontra l-Covid-19 fuq l-istess bażi tat-tilqim li jingħata  kull sena kontra l-influwenza.

Aktar ma jsiru studji tal-varjant tal-Covid-19 li qed jinfirex madwar id-dinja aktar għandhom jiżdiedu l-isforzi lejn il-produzzjoni ta’ ‘varjant tal-vaċċin’ biex jipproteġi lin-nies.

Fil-fatt, il-Professur Sarah Gilbert, il-protagonista wara l-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca, qalet li r-riċerkaturi diġà qed jaħdmu fuq vaċċin ġdid intiż biex jikkumbatti ‘bis-sħiħ’ lill-varjant tal-virus li ġej mill-Afrika t’Isfel.

Gilbert spjegat li ‘din is-sena, ir-riċerkaturi mistennija juru li l-versjoni ġdida tal-vaċċin għandha l-kapaċità li tiġġenera l-antibodies li jirrikonoxxu l-varjant ġdid tal-coronavirus’.