Sport Sport Ieħor

Għada jingħata bidu għall-Open tal-Awstralja f’Melbourne

(Ritratt: EPA)

Għada se jingħata bidu għall-ewwel Grand Slam tas-sena fid-dinja tat-tennis bl-Open tal-Awstralja f’Melbourne.

Il-109 edizzjoni ta’dan il-Grand Slam kellu jsir bejn it-18 u 31 ta’ Jannar ta’ din is-sena iżda ġie pospost minħabba l-pandmeija tal-Covid 19. Dan it-turnament se jkun jikkonsisti minn plejers professjonali fil-kategoriji singles, doubles kif ukoll mixed doubles.

In-numru wieħed tad-dinja u iċ-champion renjanti Novak Djokovic se jkun qed jiddefendi it-titlu li rebaħ is-sena l-oħra kontra l-Franċiż Jeremy Chardy, biċ-champion ta’ dan il-Grand Slam tan-nisa, Sofia Kenin, tkun fl-azzjoni it-Tlieta kontra Maddison Inglis.

Fost it-tennisti li se jkunu fl-azzjoni għada hemm in-numru tlieta Dominic Thiem kontra Mikhail Kukushkin, l-Awstraljan Nick Kyrgios kontra Federico Silva kif ukoll l-Isvizzeru Stan Wawrinka kontra Pedro Souza.

Min-naħa l-oħra fil-kategorija tan-nisa se jkun hemm fl-azzjoni il-leġġenda Serena Williams kontra Laura Siegemund, in-numru tnejn Simona Halep kontra Lizette Cabrera kif ukoll in-numru tlieta l-Amerikana Naomi Osaka kontra Anastasia Pavlyuchenkova.

Il-plejers kollha li se jipparteċipaw f’dan it-turnament kienu mitluba jagħmlu erbatax-il ġurnata f’perjodu ta’ kwarantina obligatorja bil-plejers tħallew jibdew jitrenjaw fil-31 ta’ Jannar.