L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Uttarakhand qed ifittxu għal għexieren ta’ nies li ‘ma dehrux aktar’ wara li massa ta’ silġ fi xmara baqgħet dieħla direttament għal ġo diga u kkaġunat għargħar kbir f’numru ta’ zoni lejn in-naħa ta’ fuq tal-Indja.
L-ilma li beda ħiereġ mid-diga ħoloq dulluvju sħiħ f’wied ta’ Uttarakhand, bir-residenti ta’ diversi villaġġi jispiċċaw evakwati minħabba l-periklu.
Madankollu, l-uffiċjali wissew li sa 150 persuna setgħu spiċċaw vittma ta’ dan l-għargħar għall-għarrieda li anki ħoloq il-ħsarat inkalkulabbli.
Ħafna residenti fiz-zoni partikulari qalu li s-sitwazzjoni ta’ emerġenza tant laqtithom malajr li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tingħata twissija lil kulħadd.
Intant, l-awtoritajiet laħqu sabu l-katavri ta’ uħud mill-vittmi tal-għargħar, waqt li rreġistraw mal-150 persuna bħala ‘neqsin’.
Ħafna mill-vittmi x’aktarx li huma ħaddiema li kienu għaddejjin b’xogħolhom fid-diga – magħrufa bħala r-Rishiganga Hydroelectric Project – iżda hu minnu li numru ta’ ħaddiema salvaw minn dan is-sit.
//= $special ?>