Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li jkun Gvern għan-Nies. Gvern li jagħmel ġieh tassew lil Malta tagħna. Għax pajjiżna jeħtieġ biddla fit-tmexxija u politika nadifa. Pajjiżna jeħtieġ politika ta’ fejda li tħares lejn kulħadd l-istess. U dan jista’ jagħmlu biss il-Partit Nazzjonalista.
Kien dan il-messaġġ ewlieni mwassal miż-żewġ kelliema l-oħrajn waqt l-attività politika f’Birkirkara – il-Membru Parlamentari Ivan Bartolo u l-Kandidat il-ġdid James Aaron Ellul.
Ivan Bartolo qal li l-Gvern Laburista kulma wasal li għamel hu li libes maskra u qed jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi kollu. Hu qal li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx li jkun taħt il-lenti ta’ skrutinju u qed jagħmel minn kollox biex iwaqqaf lil min jipprova, b’Bartolo jgħid li l-uniku futur għal pajjiżna hu l-Partit Nazzjonalista b’wiegħda ta’ paġna ġdida.
“Gvern li jieħu lil min jibqa’ lura u jqassam għand min qed jieħu ħafna,” qal Bartolo. “Irnexxilhom jeqilbu d-dinja ta’ taħt fuq. Min ikun fit-torri tal-Avorju, l-affarijiet jarahom kif jaqbillu. Robert Abela u n-nies ta’ madwaru rmew il-baħar ir-reputazzjoni tal-politika u tal-politiċi.”
Ivan Bartolo qal li mhux l-ewwel darba li rċieva telefonati minn anzjani li jgħidulu li ma jorqdux bil-lejl b’biża’ li se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, iżda l-Gvern qed jibqa’ jinjora din is-sitwazzjoni tant serja.
Min-naħa tiegħu, James Aaron Ellul qal li l-effett tal-għoli tal-ħajja qed tolqot wisq liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, bil-Gvern ikaxkar saqajh jew jinjora kompletament l-isfidi tal-faqar u l-inġustizzji li qed isiru.
“Uħud mil-lokalitajiet kważi jinsabu fuq il-magni tal-mewt – binjiet vojta u abbandunati,” qal Ellul. “Bħalma huma abbandunati wkoll l-anzjani tagħna. L-ewwel distrett iktar ma jmur iktar qed ikollu popolazzjoni li qed jixjieh iżda l-Gvern qed joffri biss dar waħda tal-anzjani.”
James Aaron Ellul qal li l-Partit Nazzjonalista fil-passat ħadem bla waqfien għal ġejjieni mill-isbaħ, iżda l-Gvern Laburista kisser dan l-isforz minnufih.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jindirizza dawn l-isfidi b’għadd ta’ proposti li jindirizzaw ambjent aktar nadif u san.

