Lokali

Il-PN b’wegħda biex titneħħa l-anomalija fil-ħlas tal-units iġġenerati minn sorsi nodfa ta’ enerġija

Persuna li tbigħ l-enerġija ġġenerata minn pannelli jew sorsi oħrajn għandha titħallas l-istess prezz għal kull unit daqskemm l-ARMS tbigħ il-units.

Din hi proposta oħra tal-Partit Nazzjonalista, fl-impenn tiegħu bħala parti minn strateġija ħolistika li qed tkompli turi d-differenza kbira bejn il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-politika tal-Gvern Laburista, li hi marbuta b’mażra ma’ kuntratti vvizzjati.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-diskors tiegħu fl-attività politika f’Birkirkara. Hu spjega li bħalissa, filwaqt li tħallas 7ċ5 lill-konsumaturi għal kull unit iġġenerat minn sorsi nodfa tal-enerġija, l-ARMS titlob 10ċ5 għal kull unit li jinxtara mingħandha.

Bernard Grech kompla li, anke f’dan is-settur, il-Partit immexxi minnu qed jagħmel l-aġenda … għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista li l-politika tiegħu hi mtappna bl-iskandlu tal-kuntratt tal-Electrogas.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif fil-jiem li għaddew, grazzi għall-ħidma tad-Deputati Beppe Fenech Adami, Ryan Callus u Karol Aquilina, fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi komplew joħorġu aktar fatti dwar dan l-iskandlu.

Dan hekk kif sar magħruf li l-poplu jrid iħallas €417 miljun biex il-Power Station terġa’ ssir tal-Maltin u l-Għawdxin.

Bernard Grech fakkar kif fl-istess Kumitat, sar magħruf kif ħabib tal-eks Ministru Konrad Mizzi mar fil-Kwartieri tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 biex jikteb il-pjan ta’ din il-ħadma umbagħad tħallas minn flus il-poplu talli kien hu stess li għażel il-proġett tal-Electrogas.