Lokali

Konferma tar-rankatura pożittiva fl-aħħar xhur

  • Il-Kap tal-PN Bernard Grech ikompli jżid fil-fiduċja
  • L-agħar riżultat għal Robert Abela kemm ilu Mexxej Laburista
  • Id-distakk bejn iż-żewġ partiti jinżel għal ftit inqas minn 24,000 vot

Tkompli dik li qed tidher bħala rankatura pożittiva għall-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-PN Bernard Grech. Dan hekk kif l-aħħar stħarriġ kummissjonat mill-gazzetta Maltatoday ikompli juri żieda fil-fiduċja filwaqt li kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Mexxej Robert Abela komplew inaqqsu mill-appoġġ meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ ta’ Jannar.

Għal Bernard Grech, dan hu l-aqwa riżultat minn meta kien elett Kap tal-PN f’Ottubru li għadda u d-distakk bejn iż-żewġ mexxejja u ta’ 6.6 punti perċentwali, l-inqas distakk mill-aħħar elezzjoni ġenerali ‘l hawn. Għalkemm iż-żieda għall-Bernard Grech u t-tnaqqis għal Robert Abela kienu marġinali, jidher li qed tifforma trend għaż-żewġ mexxejja u fid-direzzjonijiet opposti.

Il-Kap tal-PN qed ikompli iżid fl-appoġġ filwaqt li Robert Abela issa ilu jitlef appoġġ u fiduċja sa minn Novembru.

Filwaqt li ż-żewġ partiti naqqsu l-appoġġ, it-tnaqqis għall-PN kien wieħed marġinali u t-tnaqqis tal-Partit Laburista kien ta’ 1.1% meta mqabbel ma’ xahar ilu.

F’termini ta’ voti, id-distakk bejn iż-żewġ partiti bħalissa hu ta’ ftit inqas minn 24,000 vot.