Festi

L-idea tal-Pawlini Beltin għall-festa ta’ din is-sena, qed tkun segwita u imfaħra

L-inizjattiva li ħarġu biha din is-sena l-Pawlini Beltin, sabiex fl-isfond ta’ pandemija waqfet l-organiżazzjoni tal-attivitajiet esterni kollha li bħal dan iż-żmien sena kienu jiġu organiżżati fit-toroq tal-Belt Valletta, dik ta’ programm awdjo-viżwali dwar il-festa ta’ San Pawl fuq Facebook, qed tkun suċċess. ‘Strada San Paolo’, hu l-isem ta’ dan il-programm ta’ nofs siegħa, bi produzzjoni tal-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta, u li qed jitwassal kuljum sa nhar it-Tlieta li ġej, fid-9pm fuq il-paġna tal-istess Għaqda. Il-programm inħoloq speċifikament sabiex itaffi xi ftit mid-diżappunt tal-Pawlini Beltin, u ta’ dawk kollha li jħobbu din il-festa nazzjonali, li tkun iċċelebrata fl-10 ta’ Frar, sabiex din is-sena xorta waħda jgħixu l-festa u l-emozzjonijiet tagħha, permezz ta’ programm qasir, mexxej u interessanti, fejn kull darba qed ikunu mistiedna personalitajiet differenti li kellhom jew għad għandhom rabta diretta ma’ din il-festa. Fl-istess waqt, kuljum fi ‘Strada San Paolo’, qed jintwerew servizzi tassew informattivi u riċerkati kemm dwar ir-rikezzi li għandha l-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, kif ukoll dwar l-istorja u l-iżvilupp ta’ din il-festa, mill-aspett estern.

Kienu ħafna d-dilettanti tal-festi f’Malta, u mhux biss Pawlini Beltin, li faħru din l-idea, li bla dubju tinżel tajjeb ma’ dawk kollha li jħobbu l-organiżażzjoni u l-ambjentazzjoni tal-festi Maltin, fl-isfond tar-restrizzjonijiet li qed ngħixu sforz il-pandemija tal-COVID-19.

Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, fl-ewwel programm li xxandar il-Ġimgħa, il-mistiedna kienu l-eks President tal-Għaqda tal-Pawlini, Paul Spiteri, il-President tas-Soċjetá Filarmonika La Valette u eks Direttur tal-Armar tal-Għaqda tal-Pawlini, Jonathan Grima kif ukoll il-President attwali tal-Fergħa taż-Żgħażagħ tal-Għaqda tal-Pawlini, Josue Tabone.

Sabiex tara l-ewwel programm ta’ ‘Strada San Paolo’, agħfas hawn.

Fit-tieni programm, dak li xxandar is-Sibt filgħaxija, il- mistiedna ta’ Christian Micallef, f’studio armat apposta fil-Knisja ta’ San Pawl, kienu l-eks membri tal-Għaqda tal-Pawlini, f’kumitati u f’perjodi differenti kif ukoll eks reffiegħa tal-vara maestuża ta’ San Pawl, Vince Farrugia u Mario Micallef, kif ukoll il-President tal-Fergħa Nisa tal-Għaqda tal-Pawlini, Doris Montfort.

Sabiex tara t-tieni programm ta’ ‘Strada San Paolo’, agħfas hawn.

B’kollox għad baqa’ tliet programmi oħra li għad iridu jixxandru minn din is-sensiela speċjali ta’ ‘Strada San Paolo’ fuq Facebook, u li wieħed se jkun jista’ jarhom permezz ta’ xandira Premier fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Pawlini, illejla, għada u nhar it-Tlieta li ġej, lejliet il-festa.