Operaturi fl-industrija marittima, industrija li dejjem ħadmet biex issaħħaħ isem pajjiżna u żżomm l-industrija fost l-aktar rispettata fir-reġjun, kienu urtati bl-imġiba u l-kummenti li għadda dan l-aħħar il-Ministru Ian Borg – aġir ta’ Ministru li sab kundanna qawwija għall-mod kif aġixxa.
F’diskors li għamel dan l-aħħar f’konferenza, il-Ministru Ian Borg żelaq fil-kliem li lissen u urta lill-istess industrija li bħal kull settur ieħor qed tintlaqat ukoll mill-impatt tal-pandemija dinjija.
Sorsi qrib l-industrija li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-Ministru Borg ma kellux għalfejn jiżloq fi kliemu meta kien qed jitkellem fuq inizjattiva pożittiva u li l-istess industrija tappoġġja – dik li jittieħdu inizjattivi li jwasslu biex il-Port il-Kbir li kull Malti tant hu kburi bih, jinżamm nadif minn vapuri u bċejjeċ tal-baħar abbandunati. Hu fl-interess tal-industrija marittima f’pajjiżna li taħdem u tassigura għal ambjent marittimu fost l-aqwa li jattira aktar attività marittima f’pajjiżna u li tħalli wkoll effett pożittiv fuq l-ekonomija nazzjonali.
Iżda l-paroli żejjed tal-Ministru ħasad u urta lill-operaturi f’din l-industrija. Filwaqt li ftaħar bl-inizjattiva tal-Gvern favur Port nadif u ħieles minn ċertu opri tal-baħar abbandunati fil-Port, fl-istess waqt semma żewġ oil-rigs li se jitilqu minn Malta wara li ilhom stazzjonati għal xhur twal fil-Port il-Kbir b’mod leġittimu f’tarzna lokali.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument esprimew rabja għall-mod u għall-imġiba tal-Ministru Ian Borg u sostnew li l-oil-rigs li ilhom stazzjonati f’pajjiżna mhumiex bl-ebda mod abbandunati u wisq anqas xi imbarazz li jrid jiġi żbarazzat biex jitnaddaf il-Port.
Dwar din l-aħħar kwistjoni li ħoloq il-Minsitru Ian Borg, semma’ leħnu wkoll il-Forum Malti Marittimu li esprima d-diżappunt għall-kliem tal-Ministru Ian Borg. Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Ministru Ian Borg, il-Forum sostna li l-oil-rigs li saret riferenza għalihom mill-Minsitru Ian Borg bl-ebda mod ma jistgħu jissejħu li huma abbandunati, u li għal kuntrarju huma ta’ valur għall-industrija u jsegwu l-kundizzjonijiet kollha imposti fuqhom fil-konċessjoni li ngħataw biex ikunu miżmuma f’tarzna lokali.
Jirriżulta wkoll li d-dewmien ta’dawn l-oil-rigs f’pajjiżna kien dovut għas-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnu s-swieq tal-industriji taż-żejt u l-gass – liema sitwazzjoni ggravat bil-pandemija tal-COVID-19.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument sostnew li jistennew aħjar minn Ministru fi gvern li suppost għandu jaġixxi biex jaġevola u jsaħħaħ l-industrija marittima f’pajjiżna, u mhux bi kliemu jnaqqas u jbaxxi r-reputazzjoni ta’ din l-industrija – kif seħħ bl-aġir tal-gvern f’setturi oħra importanti tal-ekonomija nazzjonali.
L-istess sorsi tennew li l-ogħla awtoritajiet f’pajjiżna għandhom jaġixxu biex jgħollu isem pajjiżna biex jersaq lejn il-gżejjer Maltin aktar investiment li jiġġenera aktar impjiegi f’dawn iż-żminijiet diffiċli li pajjiżna wkoll għaddej minnhom kawża tal-pandemija.
//= $special ?>