Futbol Sport

Man City iġibu fix-xejn lil-Liverpool f’Anfield u jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti

Manchester City għamlu pass importanti ‘il quddiem lejn ir-rebħ tal-kampjonat b’rebħa kbira, 4-1, fuq Liverpool f’Anfield Road u għal riżultat mill-aktar umiljanti għaċ-Champions tal-Ingilterra li qed jidhru biss dell tat-tim li tant impressjona fl-istaġun li għadda.

Il-fatturi deċiżivi fir-rebħa ta’ City kienu l-wirja kbira ta’ Phil Foden, bil-gowlkiper tar-Reds, Alisson, ikollu waħda mill-agħar ħarġiet tiegħu kemm ilu li ngħaqad mal-Merseysiders. Intant, dan it-trijonf komprensiv kien l-ewwel wieħed għal City f’Anfield mill-2003 minbarra li l-ewwel wieħed għal Pep Guardiola bħala manager f’dan il-grownd diffiċli. Is-superjorità tas-Citizens kienet waħda netta u fejn anki setgħu jaffordjaw li jitilfu penalty, fl-ewwel taqsima, meta Ilkay Gundogan spara għoli mill-ħdax il-metru.

Fit-tieni taqsima, City sabu l-aħjar forma u Liverpool ma setgħu jagħmlu xejn quddiem l-avversarji determinati – b’GUNDOGAN (51) ipatti għall-iżball meta spara ġewwa mill-viċin wara li Alisson kien salva parzjalment ix-xutt ta’ Foden. Liverpool kisbu d-dro kontra x-xejra tal-logħob meta Ruben Dias waqqa lil Mo SALAH fil-kaxxa – bl-Eġizzjan ma jiżbaljax il-penalty – iżda minn dak il-ħin, City ħadu kmand u skurjaw xejn anqas minn tliet darbiet oħra.

L-ewwel kien GUNDONGAN li approfitta mill-clearance żbaljat ta’ Alisson għat-2-1, bil-gowlkiper Brażiljan, tliet minuti, wara iqassam il-ballun lil Bernardo Silva li krossja għal ġewwa, b’Raheem STERLING ikompli l-ballun għal ġewwa. Ir-raba’ u l-isbaħ gowl wasal seba’ minuti mit-tmiem meta FODEN spara xutt imprendibbli li ma ta l-ebda ċans lil Alisson għall-4-1 finali.

Harry Kane irritorna fit-tim ta’ Tottenham Hotspur u kien strumentali fir-rebħa ta’ Spurs, 2-0, fuq West Bromwich Albon f’The New White Hart Lane.

Ir-rebħa hi waħda importanti wara li Spurs kienu tilfu l-aħħar tliet logħbiet konsekuttivi tal-kampjonat u kien proprju KANE (54) li żblokka r-riżultat meta rċieva mingħand Hojbjerg u sab ix-xibka b’kalma kbira.

Dan kien il-208 gowl personali għal Kane bil-flokk ta’ Tottenham u b’hekk, l-attakkant laħaq ir-rekord tal-eks plejer ta’ Spurs Bobby Smith – għalkemm fadallu biex jilħaq l-ammont ta’ gowls li skorja l-attakkant leġġendarju Jimmy Greaves fis-snin li kien dam ma dan il-klabb.

It-tieni gowl ta’ Tottenham wasal minn SON HEUNG-MIN (58) li għeleb lil Johnstone b’xutt qawwi fuq is-suġġeriment ta’ Lucas Moura.Wolves u Leicester City spiċċaw fi dro, 0-0, f’Molineux għal riżultat li jista’ jitqies bħala disfatta għall-Foxes ta’ Brendan Rodgers – li jinsabu t-tielet fil-Premier League.

Leicester kienu diżappuntanti fl-attakk u rari impenjaw lill-gowlkiper Rui Patricio minkejja li kellhom lill-attakkant prolifiku Jamie Vardy lura fit-tim. Intant, Wolves kellhom xutt wieħed biss fuq il-lasta– għalkemm dan kien ukoll l-aħjar ċans tal-logħba, bil-gowlkiper Schmeichel isalva b’diffikultà it-tentattiv mill-viċin tas-sostitut Fabio Silva.

Riżultati : Ilbieraħ; Aston Villa v Arsenal 1-0, Burnley v Brighton 1-1, Newcastle v Southampton 3-2, Fulham v West Ham 0-0, Man Utd v Everton 3-3, Illum; Tottenham v West Brom 2-0, Wolves v Leicester 0-0, Liverpool v Man City 1-4, Sheff Utd v Chelsea 1-2, Għada; Leeds v Crystal Palace 9.00pm