Għexieren ta’ eluf ta’ nies, fl-aħħar sigħat, issieħbu fi protesti kbar kontra l-kolp ta’ stat militari li seħħ bħallum ġimgħa fil-pajjiż, fost l-għajjat kontinwu favur id-demokrazija u biex il-Mexxejja eletta ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, tingħata lura r-riedni tal-Istat.
Il-protesti – b’mod partikulari d-dimostrazzjonijiet f’Yangon — kienu l-akbar fil-pajjiż mill-2007 ‘il hawn, bin-nies jinsistu li ‘iridu d-demokrazija u mhux dittatorjat militari’.
Sadanittant, l-awtoritajiet militari rristawraw l-aċċess għall-Internet wara li l-poplu dam talanqas ġurnata miċħud mis-servizzi online f’sitwazzjoni ta’ blackout.
Filwaqt li l-ibliet ta’ Myanmar għadhom maħkuma minn tensjoni kbira, il-militar li waqqa lill-Gvern elett ma kkummentax dwar id-dimostrazzjonijiet inkella dwar ‘l-għadab tan-nies dwar is-sitwazzjoni’.
Aung San Suu Kyi u l-mexxejja ewlenin tal-Partit tal-Lega Nazzjonali għal Demokrazija ( l-NLD immexxi mill-istess Suu Kyi) ilhom miżmuma taħt arrest f’darhom sa mill-ewwel sigħat tal-kolp ta’ stat. L-Armata ta’ Myanmar ħatfet il-poter wara li insistiet – mingħajr ma produċiet il-provi – li l-elezzjoni ta’ Novembru li ntrebħet mill-partit ta’ Suu Kyi kienet ‘imtappna bil-frodi’.
Sadanittant, l-awtoritajiet militari dikjaraw stat ta’ emerġenza effettiv għal sena fil-pajjiż waqt li qed ‘isegwu l-aħħar żviluppi’ mill-belt kapitali ta’ Nay Pyi Daw.
Il-protesti tal-aħħar sigħat f’Yangon fakkru fir-Rivoluzzjoni ta’ Saffron tal-2007, meta eluf tal-qassisin fi Myanmar kienu qamu kontra r-reġim militari ta’ dak iż-żmien.
//= $special ?>