Nemmen li pajjiżna jixraqlu tmexxija li temmen li l-ġid sħiħ tal-persuna għandu jkun pretest għall-ġid komuni, fejn kulħadd jista’ jsir l-aħjar verżjoni tiegħu nnifsu. Għax għada jista’ jkun aħjar u se jkun aħjar.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza l-attività politika fi Triq il-Kbira, f’Birkirkara.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu għandu strateġija għal pajjiżna, fost l-oħrajn b’impenn favur sorsi ta’ enerġija nadifa u b’inċentivi biex navvanzaw f’dan is-settur importanti.
Spjega li waħda mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista hi li dak li wieħed jitħallas għal kull unit iġġenerat mill-pannelli jew sorsi oħrajn ikun l-istess prezz li tiċċarġja l-Arms għall-units li wieħed jieħu mingħandha.
Dan kontra s-serqa tal-Gvern Laburista bil-kuntratt li għamel għall-Power Station tal-Electrogas. Serqa li minħabba fiha, qed ikollna bil-fors nixtru d-dawl bl-għoli.
Dwar l-isfidi tal-pandemija tal-Covid-19, Bernard Grech innota kif il-Gvern ħabbar li se juża’ lit-Tobba tal-Familja fl-amministrazzjoni tat-tilqima wara s-suġġeriment tal-Partit Nazzjonalista. Fl-istess waqt, tenna l-appell biex il-Gvern juża’ wkoll l-infrastruttura eżistenti tal-ispiżeriji fil-komunità ħalli jkompli jitħaffef u jitjieb is-servizz.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-Partit immexxi minnu – anke bl-impenn tal-eks Kap tal-Partit Adrian Delia – se jibqa’ jiġġieled biex it-tliet Sptarijiet Pubbliċi li l-Gvern Laburista ta lill-Privat jerġgħu jkunu tal-poplu kollu.
Dwar l-Ambjent, Bernard Grech qal li minħabba t-traskuraġni tal-Gvern Laburista, qed ikunu sparpaljati fondi Ewropej li ġew allokati lil pajjiżna. U minn fuq, il-Gvern qed jagħżel li jħammeġ l-Ambjent billi jibqa’ jarmi fil-Miżbla.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ma jridx jikkritika biss, iżda anke jippreżenta l-proposti, ladarba ma jemminx li f’dan il-pajjiż hu kollox blu jew aħmar. Għaldaqstant, irid ikompli joffri l-id tal-koperazzjoni lill-Gvern biex isem pajjiżna jerġa’ jissaħħaħ kif jixraqlu.
Dwar it-Tiġdid kontinwu li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li issa hu ċar li fl-aħħar xhur il-Partit għamel qabżiet kbar fid-direzzjoni t-tajba. Għax il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel politika li tibda minn isfel għall-ġid tan-nazzjon kollu biex tinstab il-milja ta’ kull wieħed u waħda minna.
//= $special ?>