Futbol Sport

Rebħiet għal Żebbuġ u Marsa fit-tmintax-il ġurnata tal-BOV Challenge League

Chris Cassar

ŻEBBUĠ R. ………………..3
VITTORIOSA S. ………….0


Żebbuġ R: M. Grech, S. Bugeja, J. Micallef, A. Mizzi, J. Silveira Da Silva, C. Gauci, R. Vella, C. Vella, K. Atkinson, S. Miloskovic, G. Gesualdi.
Vittoriosa S: R. Caruana, C. Spiteri, I. Aela, G. Sultana, Q. Bregman, D. Sowatey, A. Galea, G. Zammit, A. Oularbi, R. Sgaria Farias, D. Borg Castaldi.

Referee: Daniel Portelli

Żebbuġ Rangers kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta bl-iktar mod konvinċenti għelbu lil Vittoriosa 3-0, bil-protagonista assoluyt ikun il-plejer Clive Gauci li skorja t-tliet gowls tar-rebbieħa.Għal Vittoriosa tasal it-tielet telfa konsekuttiva, wara prestazzjoni mill-iktar diżappuntanti.
Wara ftit minuti l-ewwel tentattiv ta’ Żebbuġ permezz ta’ Atkinson bil-goalkeeper ta’ Vittoriosa jsalva tajjeb.

Żebbuġ komplew juru l-aħjar ideat u ma kinitx sorpriża li huma fetħu l-iskor fil-21 minuta meta l-goalkeeper ta’ Vittoriosa kellu jikkontrolla l-ballun b’saqajh iżda kien attakkat minn Clive Gauci li ħadlu l-ballun u skorja mill-viċin. Ma kienx hemm reazzjoni minn naħa ta’ Vittoriosa u man-nofs siegħa logħob Clive Gauci seraq ballun f’nofs il-grawnd, avanza u minn quddiem il-goalkeeper ma żbaljax. Wara dan il-gowl Żebbuġ naqqsu xi ftit mir-ritmu u Vittoriosa bdew jidħlu iktar fil-logħba.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima kontrattakk ta’ Atkinson u xutt salvat b’siequ mill-goalkeeper Caruana. Minkejja l-isforzi fjakki tagħhom Vittoriosa qatt ma kienu perikolużi, filwaqt li Żebbuġ kellhom diversi sitwazzjonijiet favorevoli li setgħu kienu użati aħjar.Fil-71 minuta Clive Gauci għalaq b’azzjoni personali u minn angolu ferm magħluq skorja gowl verament sabiħ.


FGURA U. ……………….. 0
MARSAXLOKK …………. 0

Fgura U: L. Moore, C. Ciantar, J. Barbara, T. Grech, G. Martin, O. Mifsud, C. Gandini, D. Mbala, S. Borg, D. Caruana, N. Ojuola.
Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, J.P. Morales, N. Ghio, D. Cartella, J. Spiteri, B. Sciberras, C. Brincat, P. Xuereb, R. Winchester, R. Fenech.

Referee: Ishmael Barbara

Fgura u Marsaxlokk finalment ikkuntentaw bi dro ta’ mingħajr gowls biex kisbu punt kull wieħed, punt kull wieħed li ftit itejjeb il-qagħda tagħhom fil-klassifika. Il-logħba kienet fqira għal ħinijiet twal u kien biss fl-aħħar fażi tal-logħba li din saret interessanti meta t-timijiet twalu u l-attakkanti bdew isibu spazju fid-difiżi rispettivi.

Bidu kwiet tal-logħba bl-ewwel azzjoni wara kwarta logħob favur Marsaxlokk bid-daqqa ta’ ras ta’ Peter Xuereb faċilment salvata minn Moore. Il-kumplament tat-taqsima kienet mingħajr wisq interess b’ħafna logħob konfuż u mingħajr azzjonijiet ta’ skor.It-tieni taqsima kienet fuq l-istess andament bit-tim Xlukkajr iktar aggressiv u resaq qrib fis-56 minuta b’xutt bid-dawra ta’ Russell Fenech li kien salvat b’mod spettakolari minn Moore.

Ftit wara kien Gilbert Martin li minn qagħda angolata mpenja lil tabone li dawwar għal korner. Fl-aħħar fażi ż-żewġ naħat għamlu l-aħħar sforz biex jiksbu t-tliet punti iżda minkejja xi opportunitajiet l-iskor baqa’ ma nfetaħx.


MARSA…………………….. 2
PIETA H. ………………….. 0


Marsa: N. Vella, J. Bondin, A. Monticelli, M. Micallef, J. Lima, C. Gatt Baldacchino, D. Grima, L. Grech, H. Shola, L. Micallef, D. Agius.
Pieta H: M. Chetcuti, S. Okoh, M. Portelli, N. Pace Cocks, J. Ghio, D. Segura, N. Pisani, S. Mizzi, I. Jalo, J. Scicluna, L. Galea.

Referee: Slobodan Petrovic

Marsa għelbu lil Pieta biex kisbu rebħa oħra u resqu iktar qrib il-lijders Pembroke, li minn naħa tagħhom lagħbu logħba iktar minn Marsa.Marsa marru mill-ewwel fil-vantaġġ wara seba’ minuti meta Lydon Micallef skorja b’xutt sabiħ bid-dawra minn tarf il-kaxxa. Marsa komplew jattakkaw għal ħinijiet twal iżda ftit li xejn reġgħu kienu perikolużi.

Fil-35 minuta Pieta anki resqu qrib meta freekick ta’ Diego Segura kien imblukkat fuq il-linja plejer ta’ Marsa bil-ballun jasal għand Nicholas Pisani li x-xutt tiegħu ħabat mal-mimduda.Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Marsa skorjaw it-tieni gowl meta minn freekick mogħti minn Shola l-goalkeeper imblokka kif seta’ u mir-rebound kien Monticelli li skorja mill-viċin.

Mas-siegħa logħob opportunita’ tad-deheb għal Pieta iżda Segura waħdu ra x-xutt tiegħu salvat minn Vella. Fis-70 minuta Marsa viċin it-tielet gowl meta Lyden Micallef b’rovexxata spettakolari ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda.