Lokali

Robert Abela jipprova jqarraq biċ-ċifri tal-qgħad

Il-Prim Ministru Robert Abela attakka d-dubji li fl-aħħar jiem esprimiet il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji dwar il-kummerċ f’pajjiżna. Dan hekk kif, waqt attività fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Abela saħaq li matul ix-xahar ta’ Diċembru ċifri Ewropej urew li l-bejgħ żied.

Iżda fil-jiem li għaddew, il-Kamra tal-SMEs insistiet li ċ-ċifri li qed jiftaħar bihom il-Gvern jikkuntrastaw kompletament mal-verità … għax qatt ma konna agħar.

Barra minhekk, Abela qal li l-qgħad, għas-7 xahar konsekuttiv reġa’ naqas, meta fil-verità, iċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru realtà differenti.

Dan filwaqt li l-Prim Ministru insista li l-imxija tal-pandemija qed tiddefinixxi lill-Gvern Laburista … minkejja li fil-verità l-irkupru ta’ pajjiżna qed idabbar skoll wara l-ieħor kawża tat-tkaxkir tas-saqajn tal-istess Gvern, bl-għajta li rbaħna l-gwerra u li l-mewġ qiegħed fil-baħar, kif ukoll nuqqas ta’ prevenzjoni waqt il-festi tal-Milied, minkejja l-appelli tal-esperti mediċi.

U minkejja li f’seba’ snin ta’ Gvern Laburista, għadha tlestiet l-ebda binja soċjali ġdida, Abela xorta faħħar il-ħidma tal-Ministru Roderick Galdes fl-investiment u l-qasam tal-bini soċjali.

Sadanittant, waqt l-attività tkellem ukoll il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, li ddeskriva l-immanniġġjar tal-iskart taħt Gvern Laburista bħala wieħed rivoluzzjonarju.

Dan minkejja li rapport tal-Awditur Ġenerali kkonferma l-falliment ta’ dan il-Gvern f’dan ir-rigward … inkompetenza li qed iħallas għaliha l-poplu Malti u Għawdxi.

Hu ammetta li f’seba’ snin, Gvern Laburista ma għamel xejn rigward l-idea tal-waste to energy, xprunata minn Gvern Nazzjonalista.

Dan filwaqt li qal li Gvern Laburista ta aktar serħan il-moħħ lill-bidwi Malti … fl-istess waqt li bdiewa Qriema jinsabu bil-mannara fuq rashom kawża tal-proġett tal-flyover tal-Bypass fl-Imrieħel, kif ukoll dawk li spiċċaw b’arthom asfaltata fil-proġett tas-Central Link.

U l-Kandidata Laburista Katya DeGiovanni qalet li minn Marzu ‘l hawn, l-impjiegi żdiedu, għalkemm iċ-ċifri tal-NSO juru li f’disa xhur il-qgħad żied b’madwar 2,000 għal 12,490 persuna bla xogħol. Dan filwaqt li qalet li skont hi, il-poplu qed jgħix ħajja relattivament komda.

Iżda ma għamlet l-ebda referenza għar-rapporti imħejji minn Caritas Malta, li wera kif familja medja Maltija mhux qed tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja bażika biex tgħix ħajja deċenti.