Lokali

Żewġ immigranti evakwati lejn Malta – 8 oħra pożittivi għall-COVID-19

Ritratt: SOS Mediterranee

Mara tqila u s-sieħeb tagħha ġew evakwati lejn Malta fl-aħħar sigħat iżda l-awtoritajiet Maltin s’issa żammew din l-informazzjoni sigrieta. Il-mara kienet rappurtata li tinsab f’qagħda kritika, tant li mal-wasla tagħha f’Malta kienet trasferita mmedjatament għal kura internsiva.

L-aħbar kienet żvelata mill-għaqda mhux governattiva SOS Mediterranee waqt li fil-ħin li ġej fl-Italja mistenni jiddaħħal grupp ta’ 422 immigrant ieħor li kienu ma’ dawk evakwati lejn Malta.

Kien matul il-jum tas-Sibt li l-għaqdiet mhux governattivi SOS Mediterranee u Medicins sans Frontieres, li jmexxu l-bastiment Ocean Viking, talbu l-evakwazzjoni tal-mara għal raġunijiet mediċi kawża tat-tqala tagħha.

Dan waqt li l-422 persuna oħra li jinsabu abbord l-Ocean Viking, bdew il-vjaġġ lejn il-port ta’ Augusta, fi Sqallija.

Minn dawn l-422, li magħhom kien hemm ukoll il-mara tqila u s-sieħeb tagħha, tmienja diġa’ ġew konfermati pożittivi għall-Coronavirus.