Raġel li nqabad b’erba’ pilloli ta’ l-ecstasy fiż-żarbun tiegħu waqt li kien fil-kju għal party f’Marzu tal-2013 ingħata sentenza ta’ ħabs għal tliet xhur wara proċess kriminali li dam sejjer tmien snin.
Ir-raġel ta’ 42 sena, Sherlock Cachia, twaqqaf hekk kif kien dieħel f’party fl-MFCC f’Ta’ Qali fil-lejl tal-31 ta’ Marzu ta’ tmien snin ilu. Huwa nstab fil-pussess ta’ pilloli ecstasy u ġie mixli bil-pussess tad-droga. f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu personali tiegħu.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija Johann Fenech jixhed li kien każ ta’ darba u li l-akkużat ma kellu l-ebda kundanna oħra relatata mad-droga fil-kondotta kriminali tiegħu, li kien fiha biss vjolazzjonijiet tat-traffiku.
L-aħħar kundanna kienet datata għal 2003 u għalhekk il-Qorti ddeċidiet li l-akkużat għandu jibbenefika minn tnaqqis fil-piena li għandha tinżamm għall-minimu permissibbli fil-liġi.
Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija raw lil Cachia u grupp ta’ nies oħra fil-parkeġġ miexi lejn il-party. Il-kuntistabbli tal-Pulizija Christopher Bartolo xehed li kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż, u għalhekk segwewhom sal-kju u waqqfuhom wara li għaddew minn naħa tas-security.
Xehed ukoll l-Ispettur Ryan Caruana li qal li huma għamlu xi ħin josservaw lill-akkużat għax deher suspettuż u waqqfuh waqt li kien dieħel fil-post. Huwa qal li l-akkużat deher aġitat ħafna. Qabel ma ġie mfittex, huwa ġie mistoqsi jekk hux qed iġorr xi ħaġa, u dan wieġbu fin-negattiv.
Fittxulu u ma sabu xejn imma hekk kif kien se jitlaq, talbuh ineħħi ż-żraben. Ir-raġel argumenta li ma kienx hemm bżonn ta’ dan iżda meta insistew, il-Pulizija sabu borża bajda li fiha erba’ pilloli blu ġewwa waħda miż-żraben tiegħu.
Ir-raġel qal lill-Pulizija li kien ta lift lil tliet nisa, Jocelin, Svettie u l-kuġina tagħha li kien iltaqa’ magħha fuq ta’ Facebook. Huwa qal li waqt li kien qed isuq mir-Rabat, Jocelin talbitu biex jieqaf u jistennieha sakemm tkellmet ma’ xi ħadd.
Huwa raha titkellem ma’ din il-persuna u meta reġgħet daħlet fil-karozza huwa kien staqsa jekk humiex qed iġorru xi ħaġa, u dan wieġbu fin-negattiv.
Waqt li kienu qed jagħmlu kju biex jidħlu fil-post, huwa ħass li Jocelin daħħlet idejha fil-but fuq il-lemin tal-ġakketta tiegħu, u talbitu jżommha għaliha hekk kif kienet beżgħana biex teħodha magħha.
Huwa qabad il-borża u poġġieha fiż-żarbun tiegħu. Sekondi wara, huwa twaqqaf mill-Pulizija u saret tfittxija. In-nisa rrifjutaw li jixhdu fil-Qorti minħabba l-biża ‘li jinkriminaw lilhom infushom.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Maġistrat Galea Sciberras innutat li l-akkużat kien jaf li l-borża kien fiha sustanza illeċita, speċjalment peress li l-mara qaltlu li beżgħet li teħodhom fiha stess. Il-Qorti qalet li r-raġel seta’ rrifjuta iżda hu ma rrifjutax. Għaldaqstant hija kkundannatu għal pussess aggravat u ħabs għal tliet xhur u mmultatu €600.
//= $special ?>