Lokali

Flimkien għal Internet Aħjar

Fid-9 ta’ Frar jiġi mfakkar il-Jum Dinji għal Internet Iktar Sikur – jum iċċelebrat fi ‘l fuq minn 150 pajjiż madwar id-dinja. Bħas-snin li għaddew, it-tema taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena hi ‘Flimkien għal Internet Aħjar’.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa impenjat biex joħloq internet aħjar għat-tfal. Din l-inizjattiva taħdem biex tħares lit-tfal onlajn billi tqajjem kuxjenza kif ukoll toffri l-għajnuna u s-sapport.

Dan l-istess uffiċċju saħaq li f’dawn l-aħħar xhur, indunajna kemm it-teknoloġija diġitali saret importanti f’ħajjitna. It-tfal u ż-żgħażagħ, qed iqattgħu ħafna iktar ħin onlajn u għalhekk qed jiġu esposti għal iktar riskji li jeżistu onlajn. Huwa ferm importanti, issa iktar minn qabel, li ngħinu lit-tfal ikollhom esperjenzi pożittivi onlajn.

Tul il-pandemija tal-COVID-19, permezz tal-internet, it-tfal komplew jirċievu l-edukazzjoni u baqgħu f’kuntatt mal-qraba u l-ħbieb tagħhom. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal saħaq li għandu jkollna rwol attiv biex inħeġġu lit-tfal jużaw l-internet b’mod responsabbli, rispettuż, kritiku u kreattiv.

Sabiex jiġi mfakkar dan il-jum importanti, qed isiru bosta inizjattivi. Numru ta’ skejjel impenjaw ruħhom biex jiċċelebraw dan il-jum billi jtellgħu diversi attivitajiet. Din is-sena BeSmartOnline! nieda toolkit b’numru ta’ lezzjonijiet u riżorsi biex jintużaw mill-edukaturi tal-PSCD fl-iskejjel Medji u Sekondarji. Dawn il-lezzjonijiet jittrattaw temi bħal impronta diġitali, body image u l-użu bilanċjat tal-internet.

Lezzjonijiet u riżorsi għall-iskejjel primarji jistgħu jitniżżlu mil-link: http://besmartonline.org.mt/sid-toolkit. Aktar informazzjoni u għajnuna dwar is-sigurta’ tat-tfal online tista’ tinkiseb permezz tal-website www.besmartonline.org.mt jew permezz tas-support line 179. Abbuż li jsir onlajn għandu jiġi rrappurtat fuq www.childwebalert.gov.mt.