Il-Qorti tal-Appell żiedet kumpens minn €223,367.58 għal dak ta’ €257,075.80 fil-konfront ta’ eks ħaddiem tal-Freeport li f’April tal-2008 sofra diżabilità permanenti wara li ġarrab ġrieħi serji f’dahru, f’għonqu u f’ġenbejh.
Victor Fenech kien appella mill-kumpens li ngħata wara li qal li d-danni li nħadmu ma sarux fuq il-paga li kellu gross, imma bit-tnaqqis tat-taxxa. Huwa lmenta wkoll li anke meta ġie kkalkolat il-qliegħ futur tiegħu, li kieku baqa’ fl-impieg dan inħadem bl-istess mod.
Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u mill-Imħallfin Joseph R. Micallef u Tonio Mallia qalet li filwaqt li qablet mas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kellha titnaqqas it-taxxa mill-paga tiegħu, qalet li fuq il-kejl tat-telf ta’ qligħ għall-ġejjieni, il-likwidazzjoni għandha ssir fuq il-bażi tad-dħul gross.
Dan peress li fil-futur u mal-medda taż-żmien, l-aktar fejn il-vittma jkun għadu ta’ età żgħira, se jkun hemm żidiet jew titjib fil-paga u l-parti mġarrba għandha ttejjeb id-dħul tagħha.
Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li dan irid jiġi kkalkolat minħabba ż-żieda tal-inflazzjoni u l-impatt li se tħalli fuq Fenech is-saħħa tiegħu. Għaldaqstant il-kumpanija Malta Freeport kienet ordnata iżżid il-ħlas għall- kumpens b’€34,000 oħra.
Victor Fenech li kważi 13-il sena ilu kellu 42 sena fetaħ kawża għad-danni kontra l-Freeport fil-Qorti Ċivili wara li ġarrab ġrieħi serji f’dahru, f’għonqu u f’ġenbejh bil-konsegwenza li sofra diżabilità permanenti u tilef ħafna mix-xogħol tiegħu.
Fil-Qorti, Victor Fenech rrakkonta li l-inċident seħħ waqt li hu kien fil-kabina tat-trakk qed jistenna l-kontejner biex jinħatt fuqu b’krejn kbir meta f’ħin minnhom il-kontejner tniżżel bis-salt u hu spiċċa jissabbat mal-kabina.
Victor Fenech li kien jaħdem bħala port worker fost id-dmirijiet tiegħu kien li jrid isuq trakk fil-Freeport Terminal, Kalafrana. Fit-23 ta’ April 2008 kien qieghed ghax-xoghol u waqt li kien fil-kabina tat-trakk jistenna sabiex jitgħabba l-kontejner li kien qed jitniżżel permezz ta’ krejn, inqata’ minn ma’ spreader tal-istess krejn meta l-qiegħ tal-kontejner kienu għadu m’huwiex iserrah fuq it-trakk.
Dan wassal biex il-container nizel b’tisbita fuq it-trakk u bl-iskoss Fenech sofra ħsara fl-‘R. hip joint’. Mill-provi ħareġ li b’xorti hażina, ladarba l-qarquċa ta’ dal-ġog ġarrbet ħsara, din il-ħsara x’aktarx tkompli tikber maż-żmien.
Huwa ħafna possibbli li Fenech se jkollu artrite fil-‘hip joint’ lemini f’eta’ pjuttost żgħira. Il-fatt li żdied fil-piż minħabba n-nuqqas ta’ attività ma jgħinx. Fenech kellu wkoll ibiddel xi ftit ix-xogħol li kien jagħmel qabel u kellu jieqaf milli jkompli jilghab il-futbol u kien ukoll jaħdem bħala bidwi parti-time.
Fenech x’aktarx li se jkollu bżonn xi forma ta’ ‘hip replacement’ f’età relattivament żgħira. U jekk ikollu jagħmel din l-operazzjoni, x’aktarx ikollu jagħmel operazzjoni oħra (revision) ftit tas-snin wara.
Skont espert mediku, huwa ġarrab diżabilità permanenti ta’ 15 fil-mija. It-tobba kkonfermaw mal-Qorti li Fenech kellu bżonn operazzjoni f’ġenbejh minħabba l-inċident.
Fil-Qorti ngħad ukoll li l-krejn kien qed jitħaddem minn ċertu Orlando Pisani li kien għadu kif ingħaqad mal-kumpanija ftit qabel l-inċident. Il-Qorti nnotat li l-kumpanija ma ġabet ebda evidenza li turi li Pisani seta’ jopera l-krejn mingħajr superviżjoni.
Il-Qorti qalet ukoll li l-kumpanija għandha l-obbligu li tnaqqas ir-riskji esposti għall-ħaddiema tagħha fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Qalet li hija l-kumpanija li għandha tassigura s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal kull ħaddiem.
L-ewwel Qorti kienet preseduta mill-Imħallef Anthony Ellul kienet innotat li Fenech kien għadu bis-sick leave sa Jannar 2011. Konsegwenza ta’ dan huwa tilef aktar minn €172,000 f’paga peress li s-salarju nett tiegħu fis-sena kien ta’ €48,225.
L-ewwel Qorti kienet sabet li l-kumpanija kienet waħedha taħti għall-inċident u għad-diżabilita u li dam ma jidħolx għax-xogħol minħabba fl-inċident. L-Imħallef kien ordna li Fenech jingħata wkoll €97,600 f’kumpens għad-diżabilità permanenti li ġarrab, bil-kumpens totali jitla’ għal €223,367.58ċ.
Bħala sentenza l-Qorti tal-Appell qabelt mad-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti u modifikat biss il-parti fuq id-dħul gross u dak attwali tal-futur marbut mar-rata tal-inflazzjoni.
Ġie ordnat fis-sentenza li l-ispejjeż ta’ dan l-appell jinqasmu bin-nofs bejn il-partijiet, filwaqt li l-ispejjeż tal-ewwel Qorti jibqgħu regolati kif imsemmi fis-sentenza appellata, dik li l-ħlas isir mill-kumpanija.
//= $special ?>