Għawdex Lokali Qorti

Il-Qorti ta’ Għawdex minsija mill-Ministru għall-Ġustizzja – PN

Il-Ministru tal-Ġustizzja nesa għal kollox il-Qorti ta’ Għawdex u qed iħalli s-sitwazzjoni tkompli tiggrava ġimgħa wara ġimgħa

Mill-ħatra tiegħu aktar minn sena ilu sal-lum, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis għadu ma żarx il-Qorti ta’ Għawdex biex jara b’għajnejh id-diffikultajiet kbar li jaffaċċjaw ta’ kuljum dawk li jkollhom kawżi, l-ħaddiema tal-istess Qorti, l-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-avukati u l-prokuraturi legali u l-Maġistrati li jisimgħu każijiet fil-Qorti ta’ Għawdex.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati tal-PN Chris Said u Karol Aquilina.

Fost oħrajn, sostna l-PN, fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex ma teżistix sistema ta’ CCTV għas-sigurta’ ta’ dawk preżenti u l-bini mhux wieħed aċċessibbli. Dawn in-nuqqasijiet serji qed iwasslu biex il-pubbliku ma jinqediex kif suppost u qed ikunu ta’ xkiel serju għal dawk li jkun jeħtieġilhom imorru l-Qorti ta’ Għawdex biex issir ġustizzja.

Il-PN innota dak li qal tant tajjeb il-Maġistrat Joe Mifsud ftit tal-jiem ilu, li l-Qorti ta’ Għawdex qed “timxi b’sistema ta’ management by crisis”.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif taħt tliet Ministri Laburisti differenti, l-proġett tal-bini tal-Qorti l-ġdida f’Għawdex mhux biss baqa’ ma seħħx iżda saħansitra jidher li twarrab kompletament mill-pjanijiet tal-Gvern għal Għawdex.

Din id-deċiżjoni hija riżultat tal-piki li jeżistu bejn il-Membri Parlamentari Laburisti li f’xi żmien jew ieħor ilkoll servew bħala Ministri għal Għawdex matul l-aħħar 8 snin.

Il-PN qal li l-Ministru għall-Ġustizzja għandu jwarrab il-pika li nħolqot bejn id-Deputati Laburisti u jerġa’ jagħti l-ħajja lill-proġett tal-bini tal-Qorti l-ġdida ta’ Għawdex. Huwa urġenti wkoll li l-Ministru għall-Ġustizzja jiżgura li sakemm jitwettaq il-proġett tal-Qorti l-ġdida jsir l-investiment meħtieġ biex il-Qorti ta’ Għawdex ma tibqax titmexxa minn kriżi għal oħra.