“Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista l-ħidma għaddejja b’entużjażmu kbir sabiex kemm il-Partit kif ukoll il-Pajjiz jiġu xprunati ‘l quddiem”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħaxija waqt intervista matul il-programm speċjali “Eddie – Malta Tawguralek” f’għeluq is-87 sena ta’ Eddie Fenech Adami, imxandar fuq Net Television kif ukoll NET FM. Matul il-programm inġabret is-somma ta’ €74,707 b’appoġġ qawwi mingħand in-nies.
Bernard Grech insista li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks Prim Ministru ta’ Malta kien, mingħajr ebda dubju, il-bniedem li ta d-dinjita liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin sabiex jesprimu ruħhom u jiksbu s-suċċessi bil-ħila tagħhom, ġej minn fejn ġej. Huwa kompla li hekk ukoll qed isir preżentament fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fejn qed jinħoloq spazju għal kull min bit-talenti tiegħu jrid jagħmel pajjiż aħjar.

Mistoqsi dwar ir-riżultati li qed jikseb mod kostanti l-Partit Nazzjonalista f’numru ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika, Bernard Grech saħaq li filwaqt li riżultati bħal dawn iżidu l-kuraġġ sabiex flimkien, ta’ kuljum, tkompli titwettaq l-ħidma favur pajjiżna.
Fosthom ukoll bi proposti li jispiraw u jtejbu l-ħajja tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li fl-2021 għad hawn nies li jaħsbu li għandhom id-dritt li jwaqqfu lil ħaddieħor milli jesprimu ruħhom, kemm fuq mezzi soċjali u xogħol u insista li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm sabiex jagħti lill-poplu vuċi – poplu deskritt minn Bernard Grech bħala wieħed għajjien mill-kontroversji u l-qasma politika – poplu li jinsab għatxan għal politika tar-rispett.

Aktar kmieni fil ftuħ tal-programm, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li uħud mill-faċċati tal-Każini tal-Partit Nazzjonalista madwar Malta u Għawdex se jkunu qed jiġu mgħammra b’billboards diġitali – pass li juri biċ-ċar li l-Partit lest jagħmel dak kollu meħtieġ biex jissokta bit-tiġdid tiegħu fl-ideat u l-komunikazzjoni.
B’hekk, mhux biss il-Partit ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu aħjar, iżda wkoll iżid l-introjtu b’mod kummerċjali ħalli jkompli jsaħħaħ il-legat tiegħu.
Matul il-programm speċjali ipparteċipaw numru ta’ mistednin, li tkellmu dwar ħajjet Eddie Fenech Adami bħala politiku, iżda wkoll bħala missier u raġel tal-familja.
