Lokali Qorti

Joseph Muscat kien avviċina lill-kittieb Frans Sammut biex jikteb blogg kontra Daphne Caruana Galizia

Il-kittieb mibki u magħruf Frans Sammut kien ġie avviċinat minn Joseph Muscat biex jikteb blog kontra Daphne Caruana Galizia. Ibnu, n-Nutar Mark Sammut żvela fil-Qorti li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat talab lil missieru biex jibda blog sabiex jagħti fastidju lill-ġurnalista u jpoġġiha f’dawl ikraħ.

Din ħarġet mnn xhieda li ta ibnu in-Nutar Mark Sammut li kien qed jixhed fl-Inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta mmexxija mill-eks Imħallef Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ippreveni l-qtil tal-ġurnalista u biex jiskrutinja l-aġir tal-Istat dwar id-delitt.

Ix-xhud qal li d-data preċiża ta’ meta Muscat avviċina lil missieru ma jafhiex. Qal iżda li missieru stess kien qallu meta kien qed jitkellem miegħu d-dar.

Sammut qal li dan kien fl-2011, imma d-data preċiża ma jafhiex. Tenna li dak iż-żmien ma kellhiex daqshekk piż. Il-piż iżda feġġ meta huwa qara’ rapporti fil-gazzetti tax-xhieda ta’ Joseph Muscat.”

Kompa li fl-4 ta’ Diċembru tal-2020 Muscat xehed li insista li qatt ma pprova jinċita l-mibegħda lejn Daphne Caruana Galizia. Mistoqsi dwar x’qal eżatt lix-xhud, tenna li Muscat kien talab lill-kittieb biex jibda jikkontribwixxi għal blogg bil-ħsieb li jpoġġi lil Daphne Caruana Galizia f’dawl negattiv. 

Mark Anthony Sammut tenna li missieru kien jikkontribwixxi bl-Ingliż ukoll, imma ma jafx il-blogg kellux ikun bil-Malti jew bl-Ingliż.  “Missieri ħass li m’għandux jagħmilha. Ma kellux simpatija lejn Daphne Caruana Galizia imma xorta ħass li ma kellux jagħmel hekk.”

Mistoqsi huwiex involut fil-Partit Nazzjonalista, huwa wieġeb fl-affermattiv. imma dan m’għandux x’jaqsam huwa sostna. Qal li mmotivawh żewġ affarijiet.

Li missieru kien ħassha dakinhar, allura hu ħass dover li jgħdi dan kollu u li Joseph Muscat m’għandux jiġi quddiem l-istituzzjonijiet tal-Istat u jressaq bħallikieku veritajiet ħwejjeġ li huma ‘l bogħod ħafna mill-verità.

L-ewwel xhud kienet l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, responsabbli għat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi. Ix-xhieda tagħha iżda saret fil-magħluq. Mamo kellha tixhed fuq il-konverżazzjonijiet li nstabu fuq WhatsApp fil-mowbajl ta’ Yorgen Fenech.

Il-Bord qal li rċieva xi dokumenti mingħand il-Kumitat tad-Drittijiet Umani tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Dawn qed jiġu inseriti fl-atti tal-inkjesta.

Wara xehdet ukoll Corinne Vella, oħt Daphen Caruana Galizia fuq id-dokument li qiegeħd fuq is-sit elettroniku Taste Your Own Medicine. Qalet li das-sit twaqqaf apposta sabiex jagħti fastidju lil Caruana Galizia u lill-membri kollha tal-familja tagħha. 

Qalet li n-nies li kienu qed imexxu l-blogg donnhom ma kinux jafu l-konnessjonijiet u dan għaliex semmew persuna li mingħalihom kien iben Daphne, iżda dan ma kienx.

Vella qalet li hu ċar li dal-blogg twaqqaf minn partit politiku, għax il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia saret taf bih għax xerrduh nies affiljati mal-partit. Tenniet li f’dal-blogg kien hemm gideb fuq il-familja Caruana Galizia. L-għan warajh kien li Daphne tieqaf tikteb fil-blogg tagħha. Saħansitra kien hemm jgħid fil-blogg, “You stop, we stop.”

Tenniet li l-blogg waqaf fiż-żmien meta beda l-blogg ta’ Glenn Bedingfield, fl-2016. Xehed ukoll il-0Professur Arnold Cassola li qal li ried juri kif mill-2013 ‘l hawn, mexxejja tal-Istat għamlu minn kollox biex jiffaċilitaw l-interessi tal-Electrogas u tal-proġett ta’ Quad Towers. 

L-Imħallef Said Pullicino jgħid lil Professur Cassola biex jixhed fuq affarijiet li kien involut fihom direttament. Qal li mhux involut fl-affarijiet direttament, iżda hu wettaq riċerka u investigazzjoni tul dawn l-aħħar snin, anke billi għamel Talba għall-Informazzjoni (Freedom of Information Request).

Tkellem fuq il-high rises fejn qal li din “inħadmet ġo Kastilja,” Tenna li ġimagħtejn wara li għalqet il-konsultazzjoni pubblika, rappreżentant tal-Electrogas mar jiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia għal 26 minuta.

Ftit minuti wara, Farrugia kiteb lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jgħidilhom li għandhom idaħħlu lill-Imrieħel fiż-żona ta’ bini għoli. Kompla li fl-24 ta’ Mejju tal-2014 dil-policy ġiet addottata mill-Awtorità tal-Ippjanar minkejja li l-Perit Montesin qal li din daħlet ġimagħtejn wara li għalqu l-proposti.

Tkellem fuq l-Electrogas li ngħatat trattament preferenzjali mill-OHSA u ndika xi episodji. Isemmi kif il-Gvern b’mod sigriet iddeċiedi li jestendi garanzija lil Electrogas.

Cassola allega trattament preferenzjali għall-iżviluppaturi ta’ Quad Towers peress li dawn iridu jħallsu somma meta jkun hemm masterplan għall-Imrieħel. Il-Bord qal lil Cassola biex iżomm mal-kwistjonijiet relevanti għall-inkjesta pubblika. 

Cassola rringrazzja lill-Bord talli semgħu. Qal li ta’ min wieħed jinvestiga għaliex il-Prim Ministru Robert Abela ma riedx lin-nies ikomplu jixhdu billi ried iwaqqaf l-inkjesta. Is-seduta tħalliet għal l-5 ta’ Marzu fid-9.30am.