Lokali

Konrad Mizzi jiddefendi l-interessi personali minflok l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi

Konrad Mizzi llum għażel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet li sarulu waqt is-smigħ tal-kawża dwar il-ftehim tal-Vitals tat-tliet sptarijiet. Il-PN qal dan permezz tad-Deputat Parlamentari Adrian Delia fejn intqal li Konrad Mizzi nesa li minkejja li tkeċċa mill-Partit Laburista xorta waħda għadu Deputat Parlamentari u allura għandu jagħti rendikont lill-poplu Malti u Għawdxi ta’ għemilu u d-deċiżjonijiet li ħa meta ta t-tliet sptarijiet lil Vitals. Minflok Konrad Mizzi għażel li jipprova jirredikola lill-Qorti u jibqa’ ma jweġibx għax ikkonferma li hemm inkjesta maġisterjali għaddejja, u għax hemm proċeduri kriminali li jistgħu jikkonċernaw din il-materja.

Id-Deputat Parlamentari Konrad Mizzi kkonferma li hemm l-firma tiegħu fuq il-ftehim ta’

€100,000,000 li ġie ffirmat minn wara dahar il-poplu jekk jaqa’ l-kuntratt tat-tliet sptarijiet, ftehim li fl-aħħar sar pubbliku permezz u bis-saħħa tal-kawża biex inġibu lura dawn l-isptarijiet. Dan jixhed li Konrad Mizzi għażel kumpaniji barranin fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa xehed bil-ġurament li dan sar bil-barka tal-Kabinett tal-Ministri.

Dawn il-Ministri kollha għandhom issa jiddikjaraw dan hux minnu jew le, jekk iva huma kollha responsabbli u jekk le Konrad Mizzi qed jigdeb bil-ġurament. In-nies qed jistennew il-verita’ kollha, jridu li jkunu jafu għalfejn tliet sptarijiet ingħataw bix-xejn lil min qatt ma kellu esperjenza f’dan il-qasam, għalfejn ġie ffirmat ftehim minn wara daharhom għal

€100,000,000 oħra, għalfejn barranin qed jibqgħu jistgħanaw minn fuqhom meta ma sar l-ebda investiment. Robert Abela għandu jgħid jekk hux se jieħu d-deċiżjoni t-tajba u jittermina dan il-ftehim jew hux se jibqa’ jipproteġi l-interessi ta’ Konrad Mizzi.