Il-koppja Gordon Debono ta’ 46 sena u martu Yvette Debono ta’ 45, li qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus qalu li minħabba nuqqasijiet tal-Pulizija, l-aċċess tagħhom għall-garaxx huwa ineżistenti minħabba li l-lift li jagħti għall-garaxx huwa mbarrat. Dan peress li wara li l-Pulizija qabdet il-karozzi tagħhom, il-lift tagħhom ingħalaq b’injama li twaħħlu diversi ‘bolts.’
Huma qalu wkoll li ma jistgħux jiffirmaw darbtejn kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsaskala, peress li l-Pulizija qaltilhom biex jiffirmaw fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar, għax l-Għassa ta’ Wied il-Għajn ħafna drabi tkun magħluqa.
Dwar dan il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat lill-Pulizija biex sa l-aħħar tal-ġimgħa jitneħħa s-siġġill li hemm eżatt kif wieħed joħroġ mill-lift, biex il-koppja Debono jkollhom aċċess għall-garaxx.
Dwar l-argument tal-Prosekuzzjoni li l-Għassa ta’ Marsaskala tista’ xi drabi tkun magħluqa, l-aktar fis-sajf, għax il-Kummissarju tal-Pulizija irid li f’dan il-perjodu, l-Pulizija ma toqgħodx fl-Għassa imma taħdem fuq barra, l-Qorti qalet;
“Għadna fl-aqwa tax-xitwa u ma għandniex għalfejn nikkumplikaw l-affarijiet, u allura meta tkun miftuħa l-Għassa, l-iffirmar isir hemm, jekk għal xi raġuni tkun magħluqa, allura iva l-firma tal-koppja ssir Ħaż-Żabbar.”
Dwar dan Gordon Debono qal li meta hu u l-mara jmorru jiffirmaw l-Għassa ta’ Marsaskala, fil-verità ma jkunu qegħdin jiffirmaw xejn għax li jsir huwa li l-Pulizija ta’ Marsaskala iċempel l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar u jinfurmahom li l-koppja qiegħda hemm, u dan jirreferi għall-bail book. Tenna li dan isir biex ma jinfetaħx sempliċi bail book fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn.
Il-koppja kienet ngħatat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €50,000 kull wieħed u garanzija personali ta’ €150,000. Huma kienu tressqu f’Novembru li għadda u l-arrest tagħhom seħħ wara investigazzjoni li kienet tnediet fl-2013.
L-Avukat Joe Giglio, mgħejjun mill-Avukat Roberta Bonello, u li qed jidher għal Yvette Debono qal li minħabba l-inkonvenjent tal-Pulizija qed tbati l-koppja Debono.
Qal li huma qatt ma kkontestaw il-fatt li l-karozzi maqbuda mill-Pulizija qe jinżammu fil-garaxx tal-akkużati, anke meta dan suppost huwa l-kompitu tal-Pulizija li tara fejn tpoġġi l-karozzi.
Tenna li dawn għandhom dritt għall-aċċess, u anke li jisstartjaw il-karozzi tagħhom perjodikament minħabba xi ħsara li tista’ tiġi kawżata lilhom. Il-Qorti qalet li huwa minnu wkoll li f’Ta’ Kandja, l-karozzi ma jkunux daqstant ‘safe’ għax huma esposti għall-elementi.
L-Avukat Gilgio, filwaqt li qabel, qal li hawn min jiċċarġja miżata dwar dan. Tenna li ma hemm ebda obbligu skont il-liġi biex dawn iżommu l-karozzi li qegħdin f’idejn il-Pulizija għall-istħarriġ. Tenna li kien sar ukoll rikors f’dan is-sens fit-18 ta’ Jannar li għadda.
Inġibdet ukoll l-attenzjoni dwar laptop tat-tifla tal-koppja li kien ukoll maqbud mill-Pulizija, u li minkejjadig riet li tagħat il-Qorti biex dan jiġi rilaxxat, anke minħabba l-fatt li għandha bżonnu minħabba l-istudji tagħha, l-‘lap top’ għadu f’idejn il-Pulizija.
Fil-kumpilazzjoni l-Avukat Richard Galea Debono ppreżenta rapport tal-kontijiet Sata Bank ta’ Gordon Debono u qal li fuq martu ma hemmx xejn. Huwa kien qed jixhed bħala kontrollur tal-bank u tenna li dan ix-xogħol qed isir minn impjegat misluf lilu minn Ernst & Young li għandu esperjenza kbira f’dan il-qasam.
Tenna li s-Sata Bank m’għadux bank operattiv u lanqas il-printers m’għadhom hemm. Ġew ippreżentati wkoll dokumenti minn Lizienne Borg rappreżentant ta’ Identity Malta fuq iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-akkużati u Rebecca Micallef dwar il-kumpaniji tagħhom u kont partikolari.
Xhud ieħor kien is-Surġent Braden Borg li qal li fl-24 Novembru kien maħtur bħala espert u mar fi propjetà fil-Mellieħa u oħra l-Belt li dawn ġew forografati. Dokumenti minn naħa tax-xhud wkoll ġew preżenati lill-qorti.
Xhud ieħor kien John Farrugia, rappreżentant ta’ kumpanija tal-insurrance li qal li Yvette Debono għamlet polza fit-28 ta’ Mejju 2020 u din kienet fuq diversi oġġetti fosthom fuq id-deheb. Tenna li ma kienx hemm problemi fil-ħlas u ħallset b’ċekk.
Bħala diretturi ta ’11-il kumpanija, li kollha ġew elenkati bħala akkużati u kellhom ordnijiet ta’ ffriżar imposti fuqhom. Il-kumpaniji huma; Hi-Low Properties Ltd, Petroplus Ltd, KB Investments Ltd, KB Lines Ltd, Seabras Ltd, Petrobunkers Ltd, Oil and Ship Ltd, Gorge Ltd, S-Cape Yacht Charter Ltd, S-Cape Ltd, u Yves Ltd.
Gordon Debono waħdu qed jiġi akkużat li fil-kapaċità tiegħu bħala uffiċjal tal-kumpanija Petroplus, li qabel kienet magħrufa bħala Tiko Tiko Ltd, għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awdituri, qered jew iffalsifika dokumenti uffiċjali u għamel dokumenti b’qerq.
Skont il-Pulzija, Gordon Debono nstab li kellu kont fis-Satabank magħluq f’Marzu 2018, li f’sentejn irċieva madwar €530,000 mingħand, fost l-oħrajn, Petroplus u Petroplus Trading ltd (BVI). Huwa qal li Debono kien azzjonist u direttur ta ‘Petroplus u kumpaniji oħra.
L-investigazzjoni sabet ħafna ċekkijiet magħmula lil Shaun Higgans li kien jissarrafhom. L-ammont totali msarraf minn Higgans, li huwa wkoll akkużat b’ħasil ta ’flus fi proċeduri separati, huwa maħsub li huwa aktar minn € 7.1 miljun, kien xehed l-ispettur.
Skont kotba tal-kumpaniji, il-Pulizija qalet li sabu li ntużaw spejjeż minfuħa biex jevadu t-taxxa. Wara li raw biżżejjed provi biex jissuspettaw ħasil ta’ flus, il-Pulizija wettqu mandat ta’ arrest kontra Debono fid-dar tiegħu ta’ Marsaskala.
Total ta’ 30 vettura ġew maqbuda mill-koppja Debono. Gordon kien qal lill-Pulizija taħt interrogazzjoni li d-dħul tiegħu kien mill-kiri ta’ propjetajiet u kien ta’ madwar €5,000 fix-xahar.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Omar Caruana filwaqt li għal Gordon Debono qed jidher l-Avukat Roberto Montalto. Is-seduta li jmiss se ssir fil-15 ta’ Marzu fl-10.30am.
//= $special ?>