L-awtoritajiet fl-Olanda qed jissospendu l-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż b’seħħ immedjat wara inkjesta uffiċjali li żvelat numru sinifikanti ta’ abbużi.L-investigazzjoni konċentrat fuq l-adozzjoni tat-tfal minn Bangladesh, il-Brażil, il-Kolombja, l-Indoneżja u s-Sri Lanka, bejn l-1967 u l-1998.
Min-naħa tiegħu, Sander Dekker, bħala l-Ministru inkarigat mill-Protezzjoni Lokali, qal li l-Gvernijiet tal-Olanda, tul is-snin, kienu naqsu milli jintervjenu f’din is-sitwazzjoni ta’ abbuż.Dan meta l-abbużi kienu jinvolvu każi fejn l-ommijiet tat-tfal kienu ‘imġiegħelha’ jċedu lit-tfal tagħhom lil ħaddieħor – u meta f’ħafna drabi l-ommijiet tħallsu l-flus biex ‘iċedu d-dritt għal uliedhom’.
Il-kumitat investigattiv sab li uffiċjali tal-Gvern Olandiż kienu konxji mill-abbuż u li wħud minn dawn l-uffiċjali anki kienu involuti ‘f’numru ta’ każi’. Intant ma nstabux provi li l-uffiċjali xxaħħmu biex jiffaċilitaw l-abbużi inkwistjoni — iżda Dekker qal li huma ‘fallew xorta fid-doveri tagħhom għaliex, fil-parti kbira. injoraw dak li kien qed iseħħ quddiem għajnejhom’.
Il-Ministru sostna li l-Gvernijiet Olandiżi ma għamlux dak mistenni minnhom u meta messhom ħadu rwol aktar attiv biex jevitaw l-abbuż relatat mal-adozzjonijiet.
Intant, Dekker, issa, qed joffri ‘l-apoloġiji għan-nom tal-Kabinett lil kulmin spiċċa mweġġa’ minn dan l-abbuż. Diversi Olandiżi, laqgħu tajjeb din id-deċiżjoni tal-Gvern Olandiż minħabba li, skont huma, is-sistema attwali ‘kienet qed tinkoraġġixxi lit-traffikar tat-tfal’.
//= $special ?>