Lokali

Għat-tieni sena konsekuttiva jitħassru l-purċissjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa

B’responsabbiltà lejn is-saħħa tal-poplu Malti fiż-żmien ta’ pandemija, il-Knisja f’Malta u Għawdex mhix ser torganizza pellegrinaġġi, purċissjonijiet u manifestazzjonijiet matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena.

Fi stqarrija, il-Knisja ħeġġet lill-poplu Nisrani biex matul ir-Randan jisma’ l-Kelma ta’ Alla, jinġabar fit-talb u jagħmel karità. Il-Knisja timpenja ruħha biex permezz tad-diversi entitajiet tagħha tipprovdi opportunitajiet biex il-poplu Nisrani jkun jista’ jagħmel dan.

Il-Knisja se tibqa’ tevalwa s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u aktar ’il quddiem toħroġ direttivi dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l-liturġija tat-Tridu tal-Għid. L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iħeġġu lil kulħadd biex ikomplu josserva d-direttivi għall-ħarsien tas-saħħa biex tassew nieħdu ħsieb xulxin.