Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia laqgħet it-talba għal libertà proviżorja li reġa’ għamel Salvu Dalli minn Ħal-Għaxaq li jinsab mixli li bil-qtil ta’ ibnu f’Awwissu li għadda. Diversi talbiet li saru preċedentement kienu ġew miċħuda.
Il-Qorti fid-digriet li tat qalet li din id-darba semgħet biżżejjed biex tkun moħħa mistrieħ li nstemgħu biżżejjed provi fil-każ. Salvu Dalli ta’ 68 sena qed iwieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ ibnuAntoine Dalli ta’ 37 sena fid-dar tiegħu stesss fis-7 ta’ Awwissu li għadda. L-anzjan magħruf aħjar bħala d-‘danger man’, qed jiġi akkużat ukoll li żamm u uża arma tan-nar qrib post abitat.
Skont l-akkużat l-qtil seħħ wara li qam argument bejn il-missier u l-iben wara li Antoine pprova jieħu l-flus ta’ missieru sabiex jixtri d-droga. B’reazzjoni għal dan Salvu Dalli allegatament qabad l-arma u spara lil ibnu. Mill-awtopsja ħareġ li Antoine Dalli miet b’tir f’nofs żaqqu.
Meta kompliet il-kumpilazzjoni xehedu persuni mediċi li jaħdmu fit-taqsima tal-emerġenza li xehedu dwar meta rċevew it-telefonata li kien sar inċident f’Ħal Għaxaq.
Kien għal ħabta tal-11.00am. meta l-Pulizija kienet irċeviet żewġ rapporti li kien hemm argument u ġie sparat tir fi Triq il-Gudja Ħal Għaxaq. Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, kien Salvu stess li fetaħ lill-Pulizija.
It-talba tal-akkużat għal libertà proviżorja anke fil-passat kienet saret fil-kuntest li huwa għandu rabtiet sodi mal-kommunità tiegħu f’Ħal Għaxaq fejn huwa jgħix, li għandu żewġ ulied, li jbati minn diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa, u li għaldaqstant li m’għandu l-ebda raġuni valida sabiex jaħrab minn Malta, u l-fatt li għandu bżonn li jingħata l-kura
Il-Qorti laqgħet it-talba għal libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000 u dan billi jsib tliet persuni li kull wieħed jagħmlu garazija personali ta’ €10,000 kull wieħed.
Huwa kien ordnat ukoll li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis u l-Ħadd fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq u li ma jersaqx lejn Ħal-Għaxaq sakemm jixhed xhud importanti fil-każ.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard. L-Avukat Lennox Vella qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Kathleen Calleja Grima, Franco Debono u Franceca Zarb qegħdin jidhru għall-familja tal-vittma. Il-każ ikompli fis-17 ta’ Marzu li ġej.
//= $special ?>