Lokali

“Naħdmu biex is-settur tad-diżabbiltà jingħata prijorità” – Bernard Grech

“Irridu nħarsu lejn id-diżabbilta b’mod wiesa’ għaliex hawn dizabbiltajiet li ma jidhrux”. Hekk stqarr il-Kap tal-PN meta dalgħodu għamel żjara fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni għall-drittijiet tal- Persuni b’Diżabbiltà.

Mal-wasal tieghu, Bernard Grech intlaqa’ mill-Kummissarju għall-Persuni b’Dizabbilta Samantha Pace Gasan. Huwa ltaqa’ mal-haddiema li jahdmu f’dawn l-ufficini – ħaddiema li 60 fil-mija minnhom għandhom biżabbiltà.

Dawn il-ħaddiema tkellmu mal-Kap tal-PN fejn spjegawlu l-problemi li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom magħhom, fosthom in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fit-toroq.

Samantha Pace Gasan saħqet fuq l-importanza li jingħata aktar sapport lil dawn in-nies sabiex jaslu fejn għandhom bżonn jaslu. Hija qalet li hemm bżonn li jkun hemm aktar spazji u proġetti li jinkludu lil kulħadd. B’hekk biss jista’ jkollna soċjetà aktar inklussiva.

Min-naha tieghu l-Kap tal-PN qal li dan is-settur ghandu jingħata l-importanza li tixraqlu fuq l-aġenda nazzjonali u tkompli ssir diskussjoni sabiex titjieb il-ħajja ta’ dawn il-persuni.

Bernard Grech enfasizza l-fatt li l-hate speech għandha tispiċċa darba għal dejjem. Tkellem ukoll dwar l-ħtieġa li jkun hemm aktar LSE’s speċjalment f’Għawdex. L-għan aħħari tal-PN huwa li naghtu s-sapport kollu lil dawn in-nies halli nghinuhom jegħlbu l-isfidi tagħhom u jgħixu f’soċjetà iktar inklussiva.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Viċi Kap tal-PN u Kelliem għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja David Agius u l-Kelliem għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar.