Omm li kienet fil-preżenza ta’ binha li qed tiġi akkużata b’serq għad-dannu ta’ tliet anzjani l-ewwel talbet żewġ ewro għall-petrol u sakemm waħda mill-anzjani daħlet biex iġibilha l-flus, il-mara daħlet ġewwa u serqet żewġ karti ta’ €50 li kienu fuq il-mejda fil-kamra ta’ barra.
Sadanittant il-Qorti qalet li hemm biżżejjed provi biex il-mara titpoġġa taħt att ta’ akuża. Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia ta’ Shirley Al Omar ta’ 45 sena mill-Mosta li qed tiġi akkużata li meta kienet fil-preżenza binha ta’ 12-il sena serqet tliet anzjani f’San Pawl il-Baħar.
Waħda mill-vittmi, Yvonne Tabone ta’ 78 sena, li xehdet permezz tal-video link qalet li l-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar x’ħin kienet qed tipprepara l-ikel għal ħuha Mario ta’ 81 sena. Fir-residenza jgħixu hi, ħuha u oħtha Marianne.
Qalet li ħuha kien fil-kamra ta’ barra meta qalilha li hemm xi ħadd wara l-bieb. Qalet li hi ħarġet fil-bieb u rat lil mara li talbitha €2 għax qaltilha li spiċċalha l-petrol u riedet tieħu lit-tifel l-isptar għax kellu infezzjoni f’widnejh.
L-anzjana qalet li sakemm daħlet ġewwa biex iġġibilha l-flus, minkejja li għalqet il-bieb, l-akkużata u binha daħlu ġewwa fil-kamra ta’ barra fejn kien hemm ħuha.
Qalet li meta ħarġet lura fil-kamra ta’ barra u tagħtha żewġ ewro u 50 ċenteżmu, l-mara waqalha xi ħaġa minnhom u strieħet fuq il-mejda fejn kien hemm xi karti tal-flus u kaxxa bil-hearing aids.
Qalet li f’ħin minnhom ħuha beda jgħajjat ‘flus, flus, flus’ u hi għall-ewwel ma fehmitx. Qalet li ħuha kienet għaddietu puplesija u affetwatlu l-mixi u kif jitkellem u ma setax jiddefendi lilu nnifsu.
L-anzjana qalet li hi marret tiġri warajha u meta hi u binha waqfu fejn Supermarket, fittxitilhom fil-ġakketta tal-omm u fil-qalziet tat-tifel. Xehdet li l-akkużata bdiet tgħidilha li ma għandha xejn fuqha. L-anzjana kompliet li ma sabitx flus fuqhom u marret id-dar iċċempel lill-pulizija.
Mistoqsija mill-Avukat difensur Mario Mifsud jekk min mar id-dar tagħha għollietx leħinha jew kienet vjolenti fil-konfront tagħha, l-anzjana wieġbet fin-negattiv u li kull ma għamlet ħarbet tiġri.
Xehed ukoll l-Ispettur Lydon Zammit li qal li fl-24 ta’ Jannar li għadda ntalbet l-għajnuna tal-Pulizija wara rapport li kienet qiegħda ssir serqa f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.
Tenna li fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distret tal-Qawra, u mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li Shirley Al Omar, li magħha kien hemm tifel minorenni, ħabtet il-bieb tad-dar u bdiet tittallab għal flus.
Kif waħda mill-anzjani fetħitilha, Al Omar baqgħet dieħla ġewwa u ħatfet żewġ karti ta’ €50 li kien hemm il-mejda, u flimkien ma’ binha ħarbu jiġru. L-Ispettur xehed li ftit wara l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit waqqfu lil mara u lil binha, li fiż-żarbun tiegħu nstabu €93.50.
Qal li meta kienet mistoqsija minn fejn ġew il-flus, l-akkużata qalet lill-Pulizija li t-tifel kien biegħ xi scooter. Qal li sabu €93 u mhux €100 għax irriżulta li l-omm u binha, kienu waqqfu jixtru xi ħaġa mingħand il-Maypole.
Kompla li l-filmati li ġabru mill-akkwati, inkluż mill-Maypole, juru eżatt x’ġara kif irrakkontatilhom waħda mit-tliet anzjani li sfat misruqa mill-akkużata. Qal ukoll li l-mara nstabet ħatja fuq każi simili fil-passat.
Dwar it-tifel, peress li minuri, il-Pulizija, qalet li talbet l-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ u eventwalment, it-tifel qed jgħix man-nanniet. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużata, bl-avukat difensur jgħid li l-akkużata għandha problema akuta ta’ droga u għalhekk talab lill-Qorti biex tmur tagħmel programm.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużata baqgħet miżmuma arrestata. Il-kumpilazzjoni tkompli fis-16 ta’ Marzu li ġej.
//= $special ?>