Ambjent Lokali

Tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-proġett fl-Imsida

Il-proġett ‘Msida Creek’ li qed isir minn Infrastructure Malta qed iqajjem tħassib dwar il-vijabilità fit-tul tiegħu.

Fi stqarrija ‘Rota’ qalu li dan il-proġett se jkun qed iġiegħel lill-persuni mexjin u ċ-ċiklisti jaċċessaw ‘lifts’ biex jaqsmu minn naħa għall-oħra tat-triq.

‘Rota’ saħqu li minflok ma din iż-żona fl-Imsida tinbidel f’parkeġġ taħt numru ta’ flyovers, l-‘Imsida Creek’ tista’ ssir destinazzjoni sabiħa ta’ spazju rikreattiv mal-baħar u passaġġ li jgħaqqad il-ġnien tal-Gżira maż-żona tal-Ġnien tal-Floriana u anke mal-Valletta Waterfront f’rotta xenika kontinwa bi strutturi prattiċi għaċ-ċiklisti u persuni mexjin.

L-istqarria ta’ ‘Rota’ temmet tgħid li huma jemmnu li jistgħu jaħdmu flimkien għal soluzzjoni aħjar hekk kif din l-NGO ħareġet sett ta’ proposti b’immaġini li juru kif dan il-proġett se jkollu impatt fuq iż-żona.