Il-ġurnalista Awstraljana, Cheng Lei, spiċċat arrestata formalment fiċ-Ċina fost akkużi li hi ‘iċċirkolat’ is-sigrieti tal-Istat ‘il hinn mill-pajjiż.
L-arrest kien ikkonfermat wara li Cheng Lei kienet ilha miżmuma taħt arrest għal diversi xhur. L-arrest tagħha seħħ meta hi kienet qed taħdem bħala preżentatriċi mal-entità tal-media China Global Television Network (CGTN) li twassal il-bullettini tal-aħbarijiet għan-nom tal-Istat Ċiniż.
Intant, l-awtoritajiet Ċiniżi qalu li ‘se jkunu rispettati d-drittijiet legali tal-ġurnalista’ li kienet inżammet mill-awtoritajiet komunisti f’Awwissu li għadda.
Kelliema għall-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, fl-istess ħin, esprimew tama li ‘l-Awstralja ma tipprovax tindaħal fil-mod kif iċ-Ċina tipproċessa lill-ġurnalista’ – u wara li l-Gvern Awstraljan kemm-il darba esprima tħassib dwar l-arrest ta’ Cheng Lei.
Il-Ministru tal-Awstralja għall-Affarijiet Barranin, Marise Payne, qalet li pajjiżha, issa, jistenna li ċ-Ċina, fil-każ ta’ Cheng Lei, ‘tirrispetta r-regoli bażiċi tal-ġustizzja fi proċedura xierqa li titmexxa skont il-kriterji internazzjonali.’
Marise Payne sostniet li l-Gvern Awstraljan qed juri solidarjetà sħiħa mal-familja tal-ġurnalista arrestata f’dan il-perjodu ferm diffiċli għaliha.
Cheng Lei kienet ilha l-aħħar snin taħdem bħala ġurnalista u preżentatriċi f’Beijing u meta ħafna membri ta’ familtha qegħdin jgħixu l-Awstralja.
//= $special ?>